Studenti mill-iskejjel primarji Għawdxin bl-opportunità ta’ ‘hands on farming’

F’Għawdex, tnieda l-kunċett ta’ ‘Hands on Farming’ li tagħti l-opportunità lill-istudenti mill-iskejjel primarji t’Għawdex, biex jaraw u jmissu b’idejhom pjanti, siġar, ħxejjex u annimali li jitgħallmu dwarhom fl-istudji tagħhom.

Din il-ħidma kienet marbuta mal-aħħar ristrutturar u mmodernizzar li sar fil-farm tal-Gvern fix-Xewkija, b’investiment ta’ madwar €1 miljun.

Dan is-sit issa qed joffri faċilitajiet bħala ċentru ta’ innovazzjoni fix-Xjenza Rurali u l-Ambjent.

Fost l-ewwel inizjattivi li ġew faċilitati permezz ta’ dan il-proġett, qed issir riċerka bil-kollaborazzjoni tal-Università ta’ Malta, li tinkludi sperimentar dwar l-isterilizzazzjoni tal-ħamrija b’metodi naturali mingħajr l-ebda użu ta’ kimika, kif ukoll l-irkuprar tat-trobbija tat-tiġieġa s-sewda Maltija.

Dan ix-xogħol twettaq bħala parti mill-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex skont il-Pjan ta’ Azzjoni EkoGħawdex 2010-2012.