Studenti mill-Akkademja tar-Referis jieħdu sehem f’live in ta’ 3 ijiem

Matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet 20 student mill-Akkademja tar-Referis ħadu sehem f'live in li sar f'lukanda ewlenija fil-Qawra organizzat mid-Dipartiment tar-Refereeing fi ħdan l-MFA.
Dawn it-tlett ijiem servew biex l-istudenti jkunu mħarrġa minn diversi esperti f'oqsma differenti li jdawwru l-logħba tal-futbol.
Filfatt il-live in beda b'diversi taħdidiet u preżentazzjonijiet fosthom mill-President tal-MFA, Norman Darmanin Demajo, l-Uffiċjal għall-Iżvilupp tar-Referis, Kevin Azzopardi u l-Ispeċjalista tal-Assistenti Referis, Philip Agius.
Is-Sibt l-istudenti ngħataw informazzjoni dwar id-dieta li għandhom isegwu u kellhom sessjoni prattika ta' kontroll ta' partita fl-istadium tas-Sirens.
Il-Ħadd, wara li saret analiżi tas-sessjoni prattika li kellhom is-Sibt, l-istudenti komplew il-programm mal-kowċ tal-Basketball Noel Aquilina u b'diskors tal-għeluq mid-Direttur tal-MFA għar-Refereeing, Adrian Casha.