10 ċenteżmi jħajruhom jirriċiklaw il-plastik

Il-Prim Ministru Joseph Muscat faħħar lill-istudenti li jattendu Ta’ Paris Middle School fi ħdan il-Kulleġġ Santa Tereża għal inizjattiva li ħarġu biha biex inaqqsu l-iskart tal-plastik li jiġi ġġenerat fl-iskola bin-nofs.
L-istudenti, flimkien mal-għalliema tagħhom, ħarġu bl-idea li jibdew iħallsu 10 ċenteżmi żejda meta jixtru flixkun tal-plastik mill-iskola, u jingħataw il-flus lura biss meta jroddu lura l-flixkun biex jiġi riċiklat kif suppost.
Waqt żjara fl-iskola, akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo, il-Prim Ministru qal lill-istudenti li jistgħu jqisu lilhom infushom pijunieri, hekk kif ħabbar li sa sentejn oħra, l-istess skema se tiddaħħal fis-seħħ fuq skala nazzjonali.
Il-Prim Ministru temm iħeġġeġ lill-istudenti biex ikomplu bil-ħidma tagħhom favur l-ambjent, u jagħmlu sforz biex jiftakru jirritornaw l-fliexken tal-plastik li jkunu xtraw lill-iskola, jew inkella biex jirriċiklaw il-fliexken kif suppost meta jmorru lura d-dar. 
Ritratt: DOI – Omar CAmilleri