Studenti Maltin jieħdu sehem fil-programm Young Reporters for the Environment

Nicole Zammit, Mireille Bonnici u Juan Orsini, tliet student li jattendu Skola Medja Tarxien- Kulleġġ San Tumas More qed jieħdu sehem fil-programm internazzjonali Young Reporters for the Environment.

Permezz tal-fotografija huma qed iwasslu messaġġi diversi favur ambjent aħjar fosthom: il-ħarsien tas-siġar, arja aktar nadifa u tnaqqis ta’ skart billi jerġa jintuża b’mod kreattiv.

Nicole Zammit

A Tempest in a Teapot: Kultant ninkwietaw fuq affarijiet żgħar għalxejn imma it-tħassib tagħna dwar l-ambjent għandna dejjem naħdmu fuqu. Meta wieħed iqis l-ammont kbir ta’ vetturi li qed jiżdiedu f’pajjiżna, l-użu ta’ tyres qodma bħala kontenitur dekorattiv għall-pjanti hija idea eċċellenti. Dawn jistgħu isiru ukoll fil-bandli u fit-toroq biex isebbħu lill-pajjiż.

Minions Go Green:  Fl-iskola medja f’Ħal-Tarxien, Ms.Carmen Bonnici LSE bil-għajnuna ta’ bosta studenti ħarġet b’inizjattiva sabiħa li tuża tyres qodma li jerġgħu jintużaw biex isebbħu l-ambjent tal-iskola. Nissuġġerixxi li skejjel oħra jew organizzazzjonijiet jieħdu din l-idea u anke jużaw materjali oħra riċiklabbli.

Mireille Bonnici

Wind of change: Dan ir-ritratt juri l-ħsara estensiva li għamlu l-irjieħ qawwija fi Frar li għadda. Siġra indiġena (Aleppo Pine) biswit l-iskola sfortunatament inqalgħet mill-għeruq kawża tal-maltemp. Dil-ħsara mill-forzi naturali m’għandniex kontroll fuqha imma nistgħu nikkontrollaw in-numru ta’ bini ġdid li ċertament qed iħalli impatt negattiv fuq il-ftit ħdura li fadal f’dal-gżejjer.

Fair with Air: Hekk kif is-siġar qed jieħdu arja mniġġsa, ħajja ġdida fil-fatt qed tibda. It-traffiku qawwi li jgħaddi biswit l-iskola żgur għandu impatt negattiv fuq il-kwalita tal-arja. Għalhekk il-bżonn li jitħawlu aktar siġar hu importanti. L-skola tagħna qed tieħu sehem fi proġett Ewropew( Fair with Air at School – Citizen Science Project) fejn l-istudenti stess jgħinu biex jiġi mkejjel il-livell ta’ dijossidu tan-nitroġenu (nitrogen dioxide- NO2) fl-arja. Fil-fatt uffiċjali mill- ERA (Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi) waħħlu apparat madwar l-iskola biex jiġi imkejjel dal-gass fl-arja li ħafna minnu huwa riżultat ta’ dħaħen tal-vetturi.

Juan Orsini

Rest in Peace: Nistgħu nserrħu rasna meta naraw xena bħal din fi ġnien pubbliku? Jalla l-awtoritajiet jiżguraw li għal kull siġra li tmut, jitħawwlu oħrajn ġodda.

Survivor: Waqt ftit ħin liberu ġewwa ġnien pubbliku f’Ħal-Tarxien, rajt din is-siġra b’fergħa imdaqqsa miksura kawża tal-grigalata li għamlet fi Frar li għadda. Fortunatament, is-siġra salvat u nagħmel appell biex l-awtoritajiet jieħdu ħsieb li jinżergħu aktar siġar biex nagħmlu pajjiżna isbaħ u inqas imniġġeż.