Studenti Maltin jibnu robot u jerħulha għall-Olimpjadi Internazzjonali tar-Robotika

Tliet studenti mill-MCAST se jieħdu sehem fl-Olimpjadi Internazzjonali tar-Robotika li se jsiru f’Washington DC, l-Istati Uniti.
Patrick Brejza, Andrea Abela u Clive Tonna jinsabu fit-tieni sena tagħhom isegwu studji fl-ICT, se jirrappreżentaw lil Malta b’robot li ħadmu fuqu għal dawn l-aħħar ġimgħat.
Ir-robot li bnew se jkun qed iqajjem kuxjenza dwar l-importanza li kull nazzjon ikollu aċċess għall-ilma nadif, it-tema ewlenija għal dawn l-Olimpjadi.
Dan se jagħmlu billi jissepara blalen ta’ kuluri differenti, ġest li jissimbolizza l-iffiltrar tal-ilma.
L-istqarrija maħruġa mis-Segretarjat Parlamentari għall-Innovazzjoni tgħid li tul il-ħidma tagħhom, l-istudenti nnutaw li fi spirtu t’għaqda, l-istudenti kollha li se jieħdu sehem għandhom jirrealizzaw l-importanza għal iżjed kooperazzjoni fuq livell internazzjonali biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi globali tal-ilma.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri awgura lill-istudenti l-akbar suċċess f’din il-kompetizzjoni internazzjonali, u rrimarka li dil-kompetizzjoni se sservihom ta’ esperjenza fil-karriera futura li għażlu.
Ir-robot sar taħt is-superviżjoni tad-Direttur tal-Istitut għall-Informazzjoni u t-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni s-Sur Conrad Vassallo.