Studenti Maltin iservu l-ikel lil 400 persuna f’Ruma

Facebook

Grupp ta’ studenti ta’ 11-il sena flimkien ma’ għadd ta’ għalliema u ħaddiema tal-iskola tas-Seminarju tal-Arċisqof li tinsab f’tal-Virtù r-Rabat, se jqattgħu l-vaganzi tagħhom ta’ Novembru f’Ruma, fejn se jwettqu ħidma volontarja f’wieħed mir-refettorji li għandha l-Caritas.

Matul il-ħidma tagħhom se jkunu qegħdin jaħdmu mill-viċin ma’ għadd ta’ ħaddiema u voluntiera oħra tal-Caritas. Waqt din l-esperjenza huma se jservu l-ikla ta’ filgħaxija lil madwar 400 persuna. Fl-istess refettorju li huma se jkunu qegħdin iwettqu l-ħidma tagħhom, il-Caritas tilqa’ ta’ kuljum madwar 400 persuna u tant oħrajn f’refettorji oħra li l-Caritas għandha f’din l-istess belt.

Fuq wieħed mill-ħitan tar-refettorju li fih se jkunu qegħdin iservu matul din l-esperjenza hemm miktuba l-kliem “… lo avete fatto a me”. Dan l-istess kliem li Kristu stess qal, se jkun qiegħed jinżamm f’qalb u f’moħħ l-istudenti biex matul din l-esperjenza jagħrfu li dak li huma se jkunu qegħdin jagħmlu ma’ dawn il-persuni, se jkunu qegħdin jagħmluh ma’ Kristu nnifsu.