Studenti lura l-iskola llum qalb “żieda fil-firxa tal-virus fost l-edukaturi”

Aġġornat 07:13 PM
Miguela Xuereb

L-istudenti fl-iskejjel sekondarji u primarji madwar Malta qed jirritornaw l-iskola llum, minkejja li fl-aħħar jiem kien hawn diversi rapport ta’ żieda fil-firxa tal-virus qalb l-edukaturi.

Fl-aħħar jiem, l-Union tal-Edukaturi Professjonali (UPE – Voice of the Workers) sostniet li kien hemm diversi każi ta’ edukaturi li nstabu pożittivi fl-ewwel ġimgħa li rritornaw lura fl-iskola. Dawn kienu għaddejjin bil-preparament biex mil-lum jibdew jilqgħu lill-istudenti lura fil-klassi. L-istudenti se jkunu qed jirritornaw l-iskola grupp grupp kuljum sal-14 ta’ Ottubru. Dan biex b’hekk, fl-14 ta’ Ottubru, l-istudenti kollha jkunu lura mal-bank tal-klassi biex ikomplu bl-edukazzjoni tagħhom.

Sal-bieraħ stess, l-union qalet li kienet innotifikata b’allegat każ ieħor ta’ coronavirus qalb l-edukaturi tal-iskola primarja ta’ Ħal Tarxien li tagħmel parti mill-Kulleġġ San Tumas. Jidher li l-persuna li ħarġet pożittiva hija edukatur tat-tieni sena.

L-union appellat lill-edukaturi biex jibqgħu viġilanti kemm jista’ jkun, filwaqt li xtaqet fejqan ta’ malajr lill-edukatur.

Fi stqarrija fl-aħħar jiem, l-istess union qalet li tinsab imħassba minħabba li wara ġimgħa biss mill-ftuħ tal-iskejjel daħlu notifiki ta’ allegati każi f’numru ta’ skejjel. Propju nhar it-Tnejn li għadda, il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li nstabu seba’ edukaturi u student pożittivi għall-coronavirus. Dan hekk kif matul il-ġimgħa li għaddiet fl-iskejjel tal-istat daħlu lura l-edukaturi, filwaqt li skejjel privati kienu diġà daħħlu lill-istudenti tagħhom lura l-iskola għas-sena skolastika l-ġdida.

“Uliedna jeħtieġu pjan maħsub” – PN

Il-MP Clyde Puli, f’isem il-Partit Nazzjonalista sostna li t-tfal jeħtieġu pjan maħsub biex jingħataw edukazzjoni ta’ kwalità f’ambjent sikur għall-iżvilupp sħiħ tagħhom.

Hu sosta li l-inkompetenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni qed twassal biex l-edukazzjoni qed issofri ta’ kuljum u qed twassal biex:

  • Is-sena skolastika bdiet tard minħabba nuqqas ta’ preparazzjoni.
  • is-sistema edukattiva għadha mhix ippreparata b’sistema u kontenut tajjeb ta’ remote learning f’każ li jkun hemm bżonn jinagħlqu l-iskejjel minħabba żieda fl-imxija tal-pandemija.
  • il-bini ta’ skejjel ġodda qed jaqaw snin minn kif imwiegħed li jinfetħu biex il-liġi ġdida tal-edukazzjoni issa ilha 5 snin fuq l-ixkaffa.

Il-Partit Nazzjonalista jawgura lit-tfal kollha u l-ġenituri tagħhom għas-sena skolastika l-ġdida filwaqt li sellem lill-edukaturi kollha.

Intant, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici żar l-MCAST tal-Mosta hekk kif dan iċ-ċentru fetaħ illum.

Total ta’ 5,489 student bdew l-iskola llum

F’Malta u Għawdex illum bdew total ta’ 5,489 student fl-iskejjel. L-istudenti li bdew l-iskola llum huma dawk li jinsabu fit-tieni sena tal-Kindergarten, is-sitt sena u d-disa’ sena. Bħala perċentwal attendew 78% tal-istudenti fid-disa’ sena, 77% tal-istudenti tas-sitt sena u 60% tal-istudenti fit-tieni sena tal-kindergarten.

Fi stqarrija l-Ministru tal-Edukazzjoni qal li din is-sena l-istudenti rritornaw l-iskola b’mod differenti sabiex ikun minimizzat kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ trasmissjoni tal-Covid-19.

Il-miżuri li daħlu fis-seħħ fl-iskejjel jinkludu sistemi ġodda ta’ kif it-tfal jidħlu fl-iskola, ingaġġ ta’ uffiċjali tas-sigurtà f’kull skola, żieda ta’ 40% f’sigħat ta’ tindif fl-iskejjel, distanzi soċjali bejn is-siġġijiet fil-klassi, studenti fi gruppi distinti, użu ta’ maskli jew visors skont kif spjegat fil-protokoll u promozzjoni ta’ użu ta’ ħasil tal-idejn u iġjene.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici żar l-iskola sekondarja ta’ Pembroke li laqgħet fiha l-istudenti tad-disa’ sena. Huwa osserva l-proċess u l-preparazzjoni li saret minn din l-iskola sabiex ikun minimizzat kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ trasmissjoni.  

Għandek xi informazzjoni dwar ir-ritorn tat-tfal fil-klassi?
Għidilna permezz ta’ e-mail fuq info@newsbook.com.mt