“Studenti li qed jaħdmu fis-sajf se jieħdu €300 inqas”

Din is-sena l-istudenti li pparteċipaw fl-iskema Work Trial Scheme for Youth f’Għawdex se jingħataw €300 inqas mis-snin preċedenti.
Dan qalu fi stqarrija, il-Kumitat Reġjonali tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex, li spjega li huma bosta l-istudenti li jinsabu urtati b’dan it-tibdil.
Il-Kumitat Reġjonali jgħid li t-tibdiliet saru wara li l-iskema kienet diġà ppubblikata u ħafna studenti applikaw għaliha. Isostni li fl-applikazzjoni kien stipulat li l-istudenti kellhom jaħdmu tmien ġimgħat u jitħallsu s-somma ta’ €600 fl-aħħar tas-sajf.
Żied jgħid li ftit qabel ma kellha tibda l-iskema, il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, bagħtet ittra biex tinforma lill-applikanti bit-tibdiliet. Dawn jinkludu li minflok tmien ġimgħat, kienu se jaħdmu erba’ ġimgħat bi ħlas ta’ €300 fl-aħħar tas-sajf.
Il-Kumitat Reġjonali tal-PN f’Għawdex qal li l-fatt li l-ħlas kien se jonqos bi €300, qatt ma ssemmiet fl-ittra mibgħuta mill-ETC.