Studenti li għandhom LSEs shared se jitneħħielhom is-servizz – UPE

L-Union għall-Għalliema Professjonali (UPE – Voice of the Workers) qalet fi stqarrija li problema li qed tinkwieta għadd kbir ta’ Learning Support Educators (LSEs) hija li mis-sena skolastika li jmiss, imbagħad gradwalment, studenti b’LSEs shared se jitneħħielhom is-servizz.

Dan ħareġ minn diskussjoni li għamlet l-union mal-LSEs nhar il-Ġimgħa 26 t’April sabiex titfa’ dawl fuq  kwistjonijiet li qed jinkwetaw lil-LSEs bħalissa. Il-President tal-UPE, Graham Sansone, flimkien ma’ għadd ta’ LSEs u fil-preżenza tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-LSEs, tkellem dwar il-piżijiet li l-LSEs ikollom iqandlu ta’ kuljum. Sansone sostna li skont id-deskrizzjoni tax-xogħol tagħhom, l-OHSA kellha tagħmel rapport u tnaqqas jew tikkonferma dawn il-piżjiet.

Aqra: Qed iweġġgħu xi 3 LSEs fil-ġimgħa minħabba t-tqandil – UPE

Ma’ Newsbook.com.mt Sansone sostna li l-Ministeru għall-Edukazzjoni jobliga lil-LSEs jerfgħu piż ta’ 27 kilogramma ta’ kuljum. Żied jgħid li kantun ta’ 7 pulzieri jiżen ftit inqas minn 27 kilo u li b’hekk ifisser li LSEs iridu jqandlu daqs bennej. F’Marzu li għadda, l-istess union kienet qalet li kawża ta’ dan, jweġġgħu mat-3 LSEs fil-ġimgħa waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

“Ma nixtiequx nidħlu fid-dettalji tal-każijiet”

Mistoqsi biex jitkellem dwar każijiet partikolari li l-union qed tagħmel referenza għalihom, Sansone sostna li ma jixtieqx jidħol f’dettalji tat-tip sabiex ma jinkixfux l-LSEs u l-istudenti. Insista li l-UPE tinsab inkwetata fuq is-sigurtà tal-istudenti u tal-istaff li qed jaħdem ma’ tfal daqshekk vulnerabbli. Tenna li l-iskop huwa li ż-żewġ partijiet ikunu siguri waqt proċeduri ta’ rfiegħ.

“Se nkunu qed nieħdu aktar miżuri fiż-żmien li ġej”

Sansone sostna li l-union se tkun qed tieħu diversi miżuri fil-jiem li ġejjin madanakollu ma riedx jispeċifika dawn x’se jkunu. Qal li sa issa diġà ġie miktub ilment formali li se jiġi mibgħut lill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq ix-Xogħol fil-jiem li ġejjin. Insista li jekk il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jaqbel li jitlaqa’ mal-union u jibda d-diskussjonijiet, mela l-ilment ma jintbagħatx. Sostna li l-problema tista’ tiġi solvuta biss meta d-deskrizzjoni uffiċjali tax-xogħol terġa’ tiġi reveduta mill-Ministeru.