“Ma nlaħħqux ngħallmu u nistudjaw fl-istess ħin” – Studenti

L-idea tal-Ministeru għall-Edukazzjoni li studenti tal-Masters in Teaching and Learning (MTL) jgħallmu fl-iskejjel  ma tantx qed tinżel tajjeb.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ diversi persuni fl-oqsma differenti tat-tagħlim, fost l-oħrajn ma’ studenti stess fl-MTL, għalliema ġodda u eksstudenti tal-kors tal-PGCE, li issa m’għadux offrut fl-Università.
Il-kummenti tagħhom kienu li din l-inizjattiva mhix prattika għax hi diffiċli immens li student li qed isegwi dal-kors ikollu l-ħin biex jaħdem. Isemmmu wkoll li r-regolamenti tal-kors stess speċifikament jiskoraġixxu li taħdem waqt li tagħmel il-kors minħabba l-impenn li fih.
 “Opportunità sabiħa li m’għandniex ċans nagħmluha” – studenta tal-MTL
Studenta qalet li bħala opportunità jogħġobha l-fatt li tista’ tipprattika dak li qed titgħallem dwaru, u fl-istess ħin taqla’ xi ħaġa tal-flus, madanakollu impossibbli li ssir.
Irrimarkat ukoll li tħossha diżrispettata bħala għalliema-studenta li l-imejl mill-Ministeru ntbagħtet lil kulħadd, anki min mhux qed jitgħallem biex isir għalliem.
Student ieħor fil-kors qal lil Newsbook.com.mt li l-lekċers tal-MTL jieħdu ħafna ħin mill-ġurnata, minbarra li l-istudenti jintbagħtu josservaw klassijiet fi skejjel differenti.
Ikollhom ukoll prattika kuljum għal ħames ġimgħat bejn Frar u April. Isaqsi meta se jagħmlu dal-part-time?
L-isforzi tal-għalliema ġodda (NQTs)
Newsbook.com.mt tkellem ma’ xi għalliema ġodda (Newly Qualified Teachers). Fost l-oħrajn għalliema partikulari ħassitha offiża għax qalet li filwaqt li hi tistinka biex iżżomm ma’ standards li huma mistennija minn għalliema ġodda, u turi bil-miktub xi progress qed tagħmel biex tissustanzja l-grad (degree) li ġabet, ħaddieħor li għadu lanqas ġab dan il-grad jista’ jgħallem.
Enfasizzat li hu inaċċettabbli li dan kollu kellu jinqala’ għax m’hemmx biżżejjed għalliema.
“L-għalliema u l-LSAs jitħallsu anqas minn ħaddiema oħra tal-Gvern, il-pagi m’hemmx li jiżdiedu, u l-kuntratti li joħorġulna jkunu definiti. Din sitwazzjoni tal-biki li qegħdin fiha”, qalet għalliema oħra.
“Kontradizzjoni asssoluta u impressjoni ta’ nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn il-Gvern u l-Fakultà tal-Edukazzjoni”
Għalliem ieħor, fit-tieni sena tiegħu fil-professjoni, qal ma’ Newsbook.com.mt, li l-għalliema bilfors jinħarqu għal din id-deċiżjoni, għax fl-istess ħin li l-Fakultà trid tgħolli l-livell tal-professjoni billi, fost oħrajn, tellgħet il-kors għal wieħed ta’ Maġisteru (Masters), għandek il-Gvern li jrid studenti jidħlu jgħallmu.
Skont dan l-għalliem, dan jagħti l-impressjoni li m’hemmx komunikazzjoni bejn il-Gvern u l-Fakultà tal-Edukazzjoni.
“Min ikun qed jistudja għal tabib ma jikkurax pazjenti biex jaqla’ l-flus”
Finalment, Newsbook.com.mt tkellem ukoll ma’ studenta li lestiet b’suċċess il-kors biex issir għalliema, iżda għażlet li ma tgħallimx.
Din qaltilna li bħalma student għal tabib ma jikkurax pazjenti biex jaqla’ xi ħaġa tal-flus, ma tarax għala għandu jsir hekk mal-għalliema, la din hi professjoni.
Irrimarkat li biex issir għalliem tal-post wegħda, u allura ma tistax tifhem kif jibqgħu jirreklamaw li jridu supply teachers jekk hawn tant nuqqas t’għalliema.
"Hemm diversi raġunijiet li wasslu għal din is-sitwazzjoni" –  Ministeru għall-Edukazzjoni
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni fi stqarrija qal li l-isfida ta' nuqqas ta' għalliema hi sfida li qed tiġi indirizzata b'mod wiesa', hekk kif id-domanda fl-iskejjel tkompli tiżdied.
Elenka numru ta' raġunijiet li wasslu għal dawn is-sitwazzjonijiet. Semma d-domanda ta' nuqqas ta' ħaddiema fis-settur; li l-iskejjel tal-istat qed jaraw domanda dejjem tiżdied ta' studenti; kif ukoll li mill-2013, il-programmi edukattivi ma baqgħux one-size-fits-all hekk kif hemm studenti qed jingħataw esperjenza edukattiva iktar iffukata b'għalliema dedikati.
"Il-Gvern għandu jirrikonoxxi l-kriżi u jagħmel pjan" – PN
F'reazzjoni, il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Oppożizzjoni lesta tgħin, iżda li l-Gvern għandu jieqaf jinsulta lill-għalliema. Sostna li l-Gvern għandu l-ewwel jirrikonoxxi l-kriżi u jagħmel pjan kif jindirizzaha, fosthom il-ħtiġijiet li għandhom bżonn l-għalliema, jgħaġġel in-negozjati dwar il-ftehim settorjali u jieħu d-deċiżjonijiet li għandu jieħu f'wieħed mill-aktar setturi importanti fil-pajjiż. 
Ritratt: Arkivji