Studenti jispiċċaw jitgħallmu fil-kontejners – Puli

Is-Segretarju Ġenerali u kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni Clyde Puli, stqarr li f’San Pawl il-Baħar u fiż-Żejtun, it-tfal huma kostretti li jagħmlu l-lezzjonijiet fi skejjel iffullati u f’kontejners mibdula fi klassijiet f’temporanji.

Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli qal li f’dawn l-iskejjel iffullati m’hemmx biżżejjed klassijiet. Saħaq li dan qed jiġri minħabba li fi kliemu l-Gvern spiċċa jipposponi minflok jibni skola ġdida kull sena li taqdi l-ħtiġijiet ġodda u ta’ żieda fil-popolazzjoni f’ċertu lokalitajiet.

Clyde Puli qal li fl-aħħar xhur ix-xogħol ppjanat fl-iskejjel ta’ San Pawl il-Baħar u ż-Żejtun waqa’ lura b’konsegwenzi għall-istudenti u l-għalliema. Żied jgħid li din is-sena skolastika wkoll il-Ministeru għall-Edukazzjoni diġà waqa’ lura wkoll fit-tlestija tax-xogħol skedat fl-iskola ta’ Wied il-Għajn fejn l-istudenti ma setghux jidħlu fl-iskola l-ġdida mill-bidu tas-sena skolastika kif kien imwiegħed.

Irrimarka li l-iskola primarja li qed tintuża’ bħalissa f’San Pawl il-Baħar ilha mibnija mill-1956 u llum tilqa’ fiha aktar minn elf student. Irrefera għal din l-iskola bħala l-aktar waħda multikulturali li hawn f’Malta,  b’madwar 60 nazzjonalità jitgħallmu fl-istess klassijiet.