Studenti jirreċtaw u jkantaw biex iqajmu kuxjenza fuq id-dimensja

DOI: Anthony Sultana

Studenti tal-iskola primarja fil-Għargħur ippruvaw jitgħallmu iżjed fuq id-dimensja, u mbagħad jgħallmu lil ħaddieħor permezz ta’ reċta u kant.

Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità Anthony Agius Decelis attenda għal preżentazzjoni dwar id-dimensja mtellgħa mill-għalliema u l-istudenti tal-iskola primarja tal-Għargħur. Din il-preżentazzjoni wriet il-vjaġġ li dawn l-istudenti għaddew minnu biex jitgħallmu dwar id-dimensja, inkluż żjara lill-anzjani residenti f’Jasmine Home. Wara din l-ispjegazzjoni, l-istudenti tal-ħames sena wasslu messaġġ b’saħħtu permezz ta’ reċta u żewġ kanzunetti li jirriflettu esperjenza ta’ persuni bid-dimensja.

Fil-messaġġ tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis stqarr li ħa gost isegwihom għaliex kienu l-istudenti stess li kienu qegħdin iqajmu kuxjenza dwar id-dimensja fost studenti oħrajn, minkejja li xi kultant l-adulti jaħsbu li ċerti suġġetti ma jinteressawx lill-istudenti jew ma jifhmuhomx.

Aqra: L-esperjenza ta’ familja li qed tħabbat wiċċha mad-dimensja; Illejla f’Raħal Ġdid u f’Lulju f’Għawdex

Bħala parti mill-isforzi tiegħu biex ikompli jqajjem kuxjenza dwar id-dimensja, is-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità tella’ żewġ rappreżentazzjonijiet fil-Mosta u Raħal Ġdid tad-dramm Frammenti, dramm li jesplora l-esperjenza ta’ familja li qed tħabbat wiċċha mad-dimensja. Id-dramm se jerġa’ jittella’ s-Sibt 13 ta’ Lulju fis-7pm, fil-Pjazza ta’ San Ġorġ fir-Rabat, Għawdex.