Studenti jirċievu l-istipendju mingħajr dokumentazzjoni – NAO

Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali sab li disa’ minn fost l-24 studenti li ntużaw bħala kampjun għall-awditjar, kienu qed jirċievu l-istipendju mill-Gvern waqt li kienu qed jistudjaw fl-Università ta’ Malta minkejja li kellhom dokumenti neqsin.

Fost id-dokumenti li dawn l-istudenti jkollhom bżonn sabiex jirċievu l-istipendju, jridu jippreżentaw provi li juru li ilhom jgħixu f’Malta għal perjodu ta’ ħames snin jew aktar qabel ma kkommettew li jibdew isegwu l-kors tagħhom.

Fost id-dokumenti neqsin kien hemm ir-rekord ta’ impjiegi li kellhom dawn il-persuni f’Malta, ċertifikat li juri li dawn temmew l-edukazzjoni tagħhom fuq livell sekondarju jew inkella ċ-ċertifikat tal-matrikulazzjoni. Skont ir-rapport jidher li minkejja dan, il-bord tal-istipendji xorta approva li dawn l-istudenti jirċievu l-istipendju.

Skont l-analiżi tar-rapport, fi ħdan l-Università ta’ Malta, fl-2017, kien hemm total ta’ 958 student barrani, 598 minnhom kienu jħallsu għall-edukazzjoni tagħhom, filwaqt li 360 minnhom kienu qed jirċievu edukazzjoni b’xejn. Fost dawn l-istudenti kollha, kien hemm total ta’ 46 persuna li kienu qed jirċievu l-istipendju.