Studenti jiddiskutu l-plastik fil-Mars u l-laħam taż-żiemel fil-bergers

Studenti Maltin fi ħdan l-NSTF Mini European Assembly (MEA) għamlu simulazzjoni tal-Parlament Ewropew fi Brussell, u ddiskutew il-frodi tal-ikel u kif tista’ tiġi ssalvagwardjata s-saħħa u s-sigurtà taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea.
Dan wara li riċentament ġew irtirati mis-suq ċertu prodotti taċ-ċikkulata mill-korporazzjoni Mars wara s-sejba ta’ biċċa plastik f’wieħed mill-prodotti tagħhom.
Irreferew għall-każ tal-2013, meta kien instab laħam taż-żiemel f’bergers taċ-ċanga ffriżati, kif ukoll f’ikel ieħor mibjugħ f’supermarkets popolari fl-Ewropa.
L-istudenti qalu li sentejn qabel, kienet faqqgħet il-bacteria E.Coli fil-Ġermanja u pajjiżi oħra Ewropej.
L-istudenti vvutaw għal riżoluzzjoni li jsir awditjar fuq il-post u ssuġġeriet iż-żieda ta’ skema Food Health Promotion Scheme, biex jiżdied l-għarfien tal-pubbliku dwar kwistjonijiet ta’ saħħa relatati mal-ikel, billi jitqassmu fuljetti lill-pubbliku.
Ir-riżoluzzjoni ħeġġet ukoll għall-iffaċilitar tat-traċċabilità tal-prodotti, skambju ta’ informazzjoni, kif ukoll assessjar ta’ riskji u testijiet fuq kampjuni ta’ prodotti tal-ikel.
L-istqarrija tal-NSTF tirreferi għal dak li kien qal l-eks-Kummissarju Ewropew Tonio Borg, meta ddistingwa bejn frodi fl-ikel li jsir b’mod intenzjonat għall-gwadan ekonomiku, u s-sigurtà tal-ikel li għalkemm ma ssirx b’intenzjoni, jista’ jkollha konsegwenzi serji ta’ saħħa.