Studenti jħossuhom diskriminati għax baqgħu bla stipendju

Madwar 20 student fl-Università ta’ Malta qed iħossuhom diskriminati għax mill-bidu tas-sena akkademika għadhom ma rċivewx stipendju.
Ma’ Newsbook.com.mt, studenti li qed isegwu Diploma għall-Prokuratur Legali esprimew id-diżappunt tagħhom u sostnew li mhux ġust li dawk li jirrepetu s-sena jingħataw stipendju u huma baqgħu b’xejn.
Spjegaw li huma ġew offruti li jagħmlu d-diploma bħala sena addizzjonali biex is-sena d-dieħla jkunu jistgħu jissoktaw bil-kors tagħhom tal-Liġi. Uħud minn dawn l-istudenti qed jagħmlu dan il-kors biex itellgħu l-marka medja u oħrajn qed jirrepetu xi suġġetti.
Madanakollu qalu li l-kors li qed jagħmlu hu full time u f’żewġ simestri jridu jagħmlu 60 kreditu bħal kull kors ieħor fl-università.
L-istudenti li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li għaddew tliet xhur minn meta bdew il-kors u s’issa diġà ħarġu żewġ stipendji.  Sostnew li meta rrealizzaw li ma daħlilhomx l-ewwel stipendju tkellmu mill-ewwel mal-Fakultà tal-Liġi u mal-Uffiċċju tal-Istipendji, iżda s’issa għadhom fl-għama.
Uħud mill-istudenti qalu li talbu laqgħa mal-Ministru tal-Edukazzjoni f’Diċembru li għadda, iżda sal-lum il-ġurnata għadhom ma semgħu xejn.
Qalu li huwa diżappuntanti li ħadd għadu ma ħa azzjoni. “Qed niġu injorati u diskriminati mill-Gvern mingħajr ma ngħatatilna raġuni,” qal wieħed mill-istudenti.
Studenta oħra qalet li għandhom “kull dritt li jieħdu din l-għajnuna għax għandhom spejjeż bħal bqija tal-istudenti.”
Newsbook.com.mt qed jistenna tweġibiet għall-mistoqsijiet li bagħat lill-Ministeru tal-Edukazzjoni.