Studenti jħeġġu car pooling u trasport pubbliku b’xejn

Bħala mezzi kif jistgħu jitnaqqsu l-emmissjonijiet bosta studenti ssuġġerew il-car pooling, sinjali fit-toroq biex javżaw lix-xufiera biex jitfu l-vettura waqt li qed jistennew id-dawl aħmar jaqleb għall-aħdar u trasport pubbliku b’xejn waqt ir-rush hour.
Dawn l-ideat ħarġu f’żewġ sessjonijiet organizzati fil-Forti Sant’Iermu biex l-istudenti jiffurmaw id-dikjarazzjoni lill-politiċi għat-Tibdil fil-Klima.
Bosta studenti minn diversi skejjel madwar Malta u Għawdex, dalgħodu ħadu sehem fis-6 edizzjoni tas-summit tal-Eko Skola, bit-tema “Aħna jimpurtana mill-futur tagħna” li sar fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta.
L-istudenti kellhom jagħtu ideat innovattivi biex jiġġieldu t-Tibdil fil-Klima.
Is-summit kien immexxi mill-Prof. Paul Pace, Direttur taċ-Ċentru tal-Edukazzjoni Ambjentali u r-Riċerka fl-Università ta’ Malta.
L-attività kienet organizzata mill-MEUSAC, mir-rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta u mill-Eko-Skola.
Ritratti: DOI – Omar Camilleri