Studenti f’Wales imorru lura l-iskola wara tliet xhur

Xi studenti f’Wales qed jerġgħu jibdew imorru lura l-iskola wara tliet xhur assenti. Dan minħabba l-pandemija tal-coronavirus li wasslet biex l-istudenti jiqfu jmorru l-iskola f’Marzu.

Dan qed isir bit-tama li dawn l-istudenti jkunu jistgħu ilaħħqu mal-edukazzjoni li tilfu biex jippreparaw irwieħhom fi żmien tliet jew erba’ ġimgħat, għat-term ta’ Settembru.

Il-klassijiet iżda jidhru kemmxejn differenti dan hekk kif hemm fis-seħħ miżuri ta’ distanza soċjali u limitu fuq kemm studenti jistgħu jkunu fil-klassi fl-istess ħin.

Għalliema li tkellmet mal-BBC qalet li l-għalliema huma eċitati dwar dan, iżda wkoll għandhom xi ftit ansjetà dwar ir-ritorn tal-istudenti. Filwaqt li l-iskejjel fil-pajjiż baqgħu miftuħin waqt il-perjodu aħrax tal-pandemija, kienu biss miftuħin għal studenti vulnerabbli u tfal ta’ ħaddiema essenzjali.

Il-ġenituri setgħu jagħżlu li ma jibgħatux lit-tfal l-iskola mingħajr ma jaqilgħu multa minħabba dan.