​Studenti frustrati minħabba passaġġ magħluq – KSU

Numru ta’ studenti tal-Università ta’ Malta esprimew il-frustrazzjoni tagħhom mall-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) peress li waħda mill-entraturi tal-Università għadha magħluqa minkejja li l-proġett tal-Kappara suppost tlesta.
Il-KSU qal li filwaqt li l-proġett tal-Kappara ġie inawgurat uffiċjalment ilbieraħ, passaġġ li jgħaddi minn taħt it-triq prinċipali i li jinfed għall-Università minn naħa tal-Gżira għadu magħluq. Skont il-Kunsill, ix-xogħol ta’ ristrutturar li jrid isir fuqu għadu fi stadju bikri. Iddeskriva s-sitwazzjoni bħala waħda inaċċettabbli.
Il-Kunsill spjega kif dan il-passaġġ jintuża’ minn mijiet ta’ studenti u li huwa importanti wkoll għal ċiklisti u nies oħra li jkun jridu jaqsmu b’mod sigur.
Il-KSU qalu li f’Ottubru ġew infurmati li x-xogħolijiet fuq il-passaġġ kellhom jitlestew mal-bqija tax-xogħlijiet fi Triq Reġjonali.
Il-Kunsill temm jappella lil Transport Malta biex ix-xogħlijiet jitlestew sal-bidu ta’ Frar hekk kif eluf ta’ studenti se jkunu qed jibdew it-tieni semestru tagħhom.
Ritratt: KSU