Studenti bniet għall-ewwel darba fil-Kulleġġ San Albert il-Kbir

Il‑Kulleġġ ta’ San Albert il‑Kbir tal‑Belt Valletta se jibda jilqa’ studenti bniet fil‑livell primarju.
B’hekk, bħal skejjel primarji oħra, f’din l-iskola se jattendu kemm subien kif ukoll bniet.
Is‑Segretarjat tal‑Edukazzjoni Nisranija fi ħdan il-Kurja se jilqa’ applikazzjonijiet għal bniet li twieldu fl‑2011 u li jistgħu jinkitbu fil‑Kulleġġ ta’ San Albert skont wieħed minn dawn il‑kriterji: tfal mid‑djar tal‑Knisja, aħwa, tfal ta’ impjegati tal‑Kulleġġ San Albert.
L‑applikazzjonijiet se jintlaqgħu nhar il‑Ġimgħa li ġej, 15 ta’ April bejn id-9am u s-1pm fl-uffiċċju tas‑Segretarjat tal‑Edukazzjoni Nisranija, 16, Triq il‑Mall, il‑Furjana.
L‑applikanti għandhom jippreżentaw ċertifikat tal‑magħmudija u tal‑insinwa tat‑tifla, ritratt daqs ta’ passaport, dikjarazzjoni mill‑iskola li t‑tfal għandhom ħuhom jattendi San Albert jew xi ħadd mill‑ġenituri hu impjegat San Albert, u ħlas ta’ €15.
Japplikaw ir‑Regolamenti tad‑Dħul hekk kif ippublikati u għalhekk jista’ jkun hemm bżonn ta’ aktar dokumentazzjoni.
Dawk il‑postijiet li ma jimtlewx b’dawn il-kriterji, jiġu offruti lil dawk li se jagħmlu l‑għażla ta’ skola skont ir‑Regolamenti tad‑Dħul.