Studenti barranin tal-Ingliż fost l-14-il każ ġdid tal-coronavirus – UPE

Miguela Xuereb

L-Unjin għall-Edukaturi Professjonali (UPE – Voice of the Workers) qalet li wħud mill-14-il każ tal-coronavirus imħabbrin illum huma studenti barranin li ġew Malta biex jistudjaw l-Ingliż.

Malta kellha qabża fl-għadd ta’ każijiet tal-coronavirus illum, peress li tfaċċaw 14-il każ ġdid, li tellgħu l-għadd totali ta’ każijiet attivi għal 26. Minn dawn l-14-il każ, disgħa huma marbutin ma’ party li kien hemm f’lukanda f’San Ġiljan il-ġimgħa li għaddiet, tlieta oħra huma sporadiċi u tnejn huma impurtati. Għalhekk, x’aktarx li l-każijiet li qed tirreferi għalihom il-UPE huma dawk l-impurtati.

Il-UPE qalet li l-għalliema fl-iskola fejn jattendu l-istudenti, li huma parti mill-unjin, ingħataw il-parir li jagħmlu t-test tal-coronavirus u li joqogħdu kwarantina malajr kemm jista’ jkun.

L-unjin żiedet tgħid li se taċċerta ruħha li l-iskola msemmija timxi mal-proċeduri.

Wara din il-qabża sinifikanti fl-għadd ta’ każijiet, il-Kulleġġ Malti tal-Patologi u l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem għamlu appelli sabiex parties, festi u attivitajiet oħra fejn ikun hemm folol kbar ta’ nies ma jitħallewx isiru sabiex tiġi kkontrollata l-imxija tal-coronavirus.