Studenti atleti se jkunu jistgħu jkomplu jitħarrġu waqt li jistudjaw

DOI - Clodagh Farrugia O'Neill

Il-Kulleġġ Ġ.F. Abela ħabbar li mis-sena akkademika li jmiss se jkun qed jintroduċi tliet programmi ġodda għall-istudenti li huma atleti professjonali u jixtiequ jistudjaw filwaqt li jkompli jitħarrġu fl-isport tagħhom.

Fi stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għall-Isport ġie spjegat li mis-sena akkademika li jmiss studenti li spiċċaw l-istudji obbligatorji man-National Sports School (NSS) se jkunu jistgħu jingħaqdu ma’ studenti atleti oħra tal-kulleġġ biex ikomplu t-taħriġ u jistudjaw fl-istess ħin. Intqal li permezz ta’ dan il-programm se jkollhom skeda ta’ lezzjonijiet speċjalizzati għalihom. B’hekk l-istudenti se jkunu jistgħu jiksbu ċ-Ċertifikat tal-Matrikola, filwaqt li jkomplu  bil-programm ta’ taħriġ man-National Sports Federation/Association. Il-programm idum sentejn fuq bażi full-time.

Aqra: Il-Gvern jipproponi aktar PE fl-iskejjel

It-tieni programm se jkun offrut lil studenti prospettivi li fi żmien l-applikazzjoni jkollhom inqas minn 18-il sena u jkunu fil-pussess taċ-ċertifikat f’livell ordinarju (ĊES) tal-Malri, tal-Ingliż u l-Matematika ekwivalenti għal grad 5 jew aħjar. L-għan ta’ dan il-programm intqal li hu biex studenti prospettivi minn 18-il sena ‘l fuq ikollhom il-possibilità li jistudjaw suġġett wieħed jew iktar f’livell Avvanzat jew Intermedju, skont il-ħtiġijiet tagħhom. Il-programm idum sentejn fuq bażi full-time.

Intant, fl-istqarrija ġies spjegat li t-tielet programm hu offrut lil studenti prospettivi li jixtiequ jkomplu jistudjaw barra minn Malta wara l-Matrikola. Il-kors iwassal lill-istudenti għaċ-ċertifikat tal-Matrikola, maħruġ mill-MATSEC. Il-kors idum sentejn fuq bażi full-time.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li l-futur tal-pajjiż jiddependi mhux biss fuq l-edukazzjoni li wieħed jieħu fl-ewwel fażi ta’ ħajtu, imma l-edukazzjoni tul il-ħajja kollha. Min-naħa tiegħu, il-Prinċipal tal-Kulleġġ Paul Xuereb qal li dawn il-programmi se jkunu qed jindirizzaw il-ħtiġijiet varji tal-istudenti.

Intant, il-Kap tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport, Robert Magro, spjega kif studenti li jattendu l-istess skola f’livell sekondarju u jkomplu l-istudju tagħhom f’livell post-sekondarju kienu jieqfu mill-isport jew isibuha diffiċli jlaħħqu mat-tnejn.

Jekk tixtieq aktar informazzjoni dwar il-programmi ta’ studju għafas hawn. Studenti prospettivi jistgħu japplikaw bejn l-1 u l-10 ta’ Awwissu minn hawn.