“Studenti…araw li titgħallmu l-Innu Malti” – il-President

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca semmiet kemm huwa ta’ niket għaliha li tinnota kemm hawn studenti Maltin li ma jafux l-Innu Malti.
Waqt lejla li saret f’ġieħ il-poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila, il-President ta’ Malta sostniet li bħala ċittadini ta’ pajjiż li jgħożż l-identità, is-sovranità u l-istorja tiegħu, kulħadd għandu jkun kburi bl-Innu Nazzjonali. Appellat lit-tfal kollha sabiex jitgħallmu l-Innu Malti.
Qalet li dan l-Innu huwa msejjes fuq kliem li jgħaqqadna bħala Maltin għax huwa mnebbaħ minn valuri ta’ solidarjetà li jsawwruna bħala poplu. 
Kien hawnhekk li faħħret lill-Akkademja tal-Malti u lill-Ministeru tal-Edukazzjoni li ħasbu biex jistampaw kartelluni bl-Innu Malti li se jitqassmu fl-iskejjel primarji u sekondarji kollha, kemm tal-istat kif ukoll tal-knisja u privati.
Ħabbret kif fiż-żmien li ġej, l-iskejjel se jingħataw ukoll CD biex il-kliem ta’ Dun Karm u l-melodija ta’ Robert Samut jibqgħu mnaqqxa għal dejjem f’qalb it-tfal.
Il-President Coleiro Preca saħqet li l-Innu Malti ma nkitibx b’kumbinazzjoni u li warajh għandu ġrajja tassew interessanti u li  kulħadd għandu jkun jafha.
It-tabib Robert Samut kien kiteb l-innu nazzjonali meta induna li Malta ma kellhiex innu nazzjonali tagħha u kien tħajjar jikteb melodija huwa stess meta wasal lura pajjiżu mill-Università ta’ Edinburgh fl-Iskozja.
Il-President esprimiet ix-xewqa tagħha li fl-iskejjel kollha jerġa jibda jinstema’ mill-ġdid l-Innu Nazzjonali Malti.

Ritratt: DOI – Pierre Sammut