Studenta tal-MCAST tispjega dak li għaddejja minnu

Studenta tal-MCAST qalet ma’ Newsbook.com.mt kif minħabba l-azzjoni industrijali tal-għalliema, is-sitwazzjoni kurrenti fl-istituzzjoni edukattiva li tattendi, qed thedded l-edukazzjoni tal-istudenti.
L-istudenta, li xtaqet tibqa’ anonima, spjegat li l-istudenti mhux se jkunu qed jingħataw feedback jew marki fuq ix-xogħol tagħhom.
L-istudenta staqsiet: “Kif se nkunu nafu fejn irridu ntejbu x-xogħol tagħna? Kif se nitgħallmu jekk ma ningħatawx feedback?”
Irrimarkat li sħabha tal-aħħar sena fl-MCAST mhux se jkollhom laqgħat b’rabta mat-teżi tagħhom. Dan peress li dan imur kontra żewġ direttivi maħruġa mill-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT). Stqarret li direttivi bħal dawn jaffettwaw b’mod negattiv lill-istudenti peress li l-ħin li jintilef minħabba fihom, ma jerġax jiġi lura.
L-istudenta saħqet li tispera li jsir ftehim mill-aktar fis possibli. Qalet li huwa importanti li dawk li huma fil-poter jiftakru li l-istudenti huma l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ ħaddiema.
Il-Kunsill tal-istudenti jħeġġeġ li jsir ftehim
Il-Kunsill Studenti MCAST (KSM) ħareġ stqarrija li fiha ħeġġeġ lill-amministrazzjoni tal-MCAST biex jissottomettu kontraproposta għall-ftehim kollettiv li qed jiġi nnegozjat bejn l-iskola u l-unjin.
Fl-istqarrija, il-KSM qal li jħoss li l-amministrazzjoni għandha tiffoka fuq it-titjib fil-metodi ta’ tagħlim biex l-istandards jilħqu dawk ta’ istituzzjonijiet edukattivi oħrajn.
Il-KSM qal ukoll li l-azzjoni industrijali ppjanata se taffettwa l-esperjenza edukattiva tal-istudenti tal-MCAST b’mod negattiv.
X’inhuma d-direttivi?
Fl-aħħar ta’ Novembru l-MUT ħabbret numru ta’ azzjonijiet industrijali li għandhom jidħlu fis-seħħ mil-lum minħabba nuqqas ta’ qbil mal-MCAST. Hemm ukoll strajk ippjanat għall-15 ta’ Diċembru.
L-MCAST esprima d-diżappunt tiegħu għad-deċiżjoni tal-MUT filwaqt li qal li d-diskussjonijiet għadhom qegħdin isiru, u mhux vera qed ikaxkar saqajh.
L-MUT qalet li l-membri tagħha li qed jiġu affetwati mill-ftehim kollettiv tal-MCAST għandhom isegwu dawn id-direttivi:

  • Ma jagħtux marki għall-assignments
  • Ma jagħtux feedback dwar assignments tal-kitba
  • Ma jagħtux tours tal-istituzzjoni lill-istudenti
  • Ma jipparteċipawx fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-gradwazzjoni tal-istudenti
  • Ma jikkomunikawx mal-istudenti barra mill-ħin tal-lezzjonijiet u sigħat ta’ kuntatt
  • Ma jipparteċipawx f’monitoraġġ tal-apprendistat
  • Ma jweġbux imejls
  • Ma jattendux għal-laqgħat tal-istaff
  • Jinjoraw kull deadline mogħti mill-maniġment
  • Ma jipparteċipawx f’attivitajiet extra-kurrikulari
  • Ma jipparteċipawx f’attivitajiet tal-midja
  • Ma jużawx apparat personali ta’ telekomunikazzjoni
  • Ma jattendux għal-laqgħat ta’ taħriġ professjonali (CPD)
  • Ma jużawx Virtual Learning Enivonments (VLEs) bħal Moodle u Schoology

Sadanittant qed iddur petizzjoni onlajn, fejn studenti qed jitolbu li l-kwistjoni dwar il-ftehim kollettiv tal-lecturers tiġi riżolta mill-aktar fis.