Studenta Maltija tgħin biex jinkiteb e-book dwar il-coronavirus

DOI - Clodagh O'Neill

Rebecca Caruana, studenta tal-mediċina, qed tgħin biex jinkiteb e-book dwar il-coronavirus.

Fi stqarrija l-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li l-e-book jismu COVID-19, The Reason Why the Earth Stood Still.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici spjega li “dan il-ktieb fih għaxar kapitli li jitrattaw il-virus u kif jaffettwa saħħet il-bniedem kemm fiżikament kif ukoll mentalment. Huwa inkoraġġanti meta nara studenti jieħdu dan l-interess sabiex jinħoloq iżjed għarfien fuq il-virus. Aħna bħala gvern kommessi li nkomplu ntejbu s-sistema edukattiva għall-benefiċċju ta’ uliedna u ta’ ulied uliedna. Dan jidher biċ-ċar fil-każ ta’ Rebecca fejn hi studenta tat-tieni sena fl-Università ta’ Malta u kienet f’diskussjonijiet u f’laqgħat ma’ professuri li jgħixu barra minn Malta sabiex tinġabar informazzjoni fattwali fuq l-imxija tal-virus kurrenti”.

Caruana, li qiegħda fit-tieni sena, qalet li dejjem kellha l-ħolma tikteb ktieb.

“Waqt din il-pandemija ktibt artiklu dwar il-COVID-19 u x’jinvolvi li ġibed l-attenzjoni ta’ Dr Syed Rizvi, tabib li jaħdem New York fejn staqsieni għal intervista. Waqt l-intervista qalli li kien qed jaħdem mal-WHO, CDC u l-Università ta’ Kolombja fi New York sabiex jippubblika ktieb virtwali dwar il-COVID-19. Jumejn wara l-intervista ltqajt ma’ tim internazzjonali li kelli naħdem miegħu. It-tim kien magħmul mit-Tabib Syed Rizvi minn New York, mid-dentista Pippasha Khan mil-Londra, u mill-ispeech therapist Daniel Hrbolio minn Melborn. Għandna wkoll diversi professjonisti oħra li qed jagħtu l-kontribuzzjoni tagħhom għal dan il-ktieb,” saħqet Caruana.

Dan l-e-book qed jinkiteb b’kollaborazzjoni mal-World Health Organization (WHO) u s-Centers for Disease Control and Prevention (CDC) li taw id-drittijiet biex dan jiġi ppubblikat.

Fuq Facebook Caruana qalet li wieħed ikun jista’ jikseb kopja tal-ktieb b’xejn sas-16 ta’ Ġunju.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn