Studenta Ġappuniża ngħatat l-ogħla marki għax kitbet bil-linka inviżibbli

Studenta Ġappuniża fl-Istorja tan-ninja tat il-kitba tagħha lill-professur tagħha fuq karta vojta. Iżda hija ngħatat l-ogħla marki wara li l-professur irrealizza li l-istudenta kienet kitbet bil-linka inviżibbli.

Eimi Haga meta kitbet b’dan il-mod kienet qed tuża t-teknika tan-ninja magħrufa bħala aburidashi, meta għamlet sigħat twal tgħaddas il-fażola ta’ soya fl-ilma u wara tgħaffiġhom biex b’hekk tagħmel il-linka. Il-professur tagħha seta’ jara l-kitba meta saħħan il-karti fuq il-fjammi tal-gass.

Meta kienet intervistata Hagi qalet li din kienet xi ħaġa li tgħallmitha meta kienet għadha tifla żgħira u bdiet tinteressa ruħha fin-ninja. Il-biża’ tagħha kienet li jkun hemm xi ħadd ieħor fil-klassi tagħha li jagħmel l-istess ħaġa. Hagi sa minn meta kienet żgħira kienet tħobb in-ninja u l-għaxqa tagħha kienet tara l-cartoons tagħhom fuq it-TV.

Wara li daħlet fl-Università ta’ Mie fil-Ġappun, l-istudenta li tinsab fl-ewwel sena,  attendiet fil-klassi dwar in-ninja li kienu aġenti sigrieti u assassini fil-Ġappun tal-Medju Evu. Il-klassi ntalbet tikteb  dwar is-suġġett wara żjara li għamlu fil-mużew dwar in-ninja fil-belt ta’ Igaryu. Il-professur qal lill-klassi li se jagħti l-ogħla marki għal min juri l-iktar kreattività.

“Għalhekk iddeċidejt biex nagħmel kitbieti tassew differenti minn tal-oħrajn,” qalet l-istudenta. “Wara li ħsibt ftit ġietni l-idea li nikteb il-kitba bil-linka inviżibbli.”

Il-problema li kellha kienet li l-professur meta jara l-karti vojta mill-kitba kien se jarmihom. Għalhekk kitbitlu nota bil-linka ordinarja biex isaħħan il-karti. Yuji Yamada, il-professur, qal li kien sorpriż meta ngħata l-karti vojta imma meta nduna kif kienet il-kitba ma setax ma jagħtihiex l-ogħla marki għax tassew li l-istudenta kienet kreattiva.