Student universitarju jinħeles mill-arrest fuq stupru

Student universitarju ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie akkużat li stupra mara tliet snin ilu.

Iż-żagħżugħ ta’ 21 sena li ġie ordnat divjet fuq ismu tressaq quddiem il-Maġistrat Nadine Lia dalgħodu, akkużat li stupra mara fis-17 ta’ Diċembru, 2016. L-akkużat wieġeb mhux ħati, u talab għall-ħelsien mill-arrest, u li ismu ma jidhirx.

L-Ispettur Bernardette Vella ttellgħet tixhed mill-Avukatessa tad-Difiża Giannella De Marco, li kkontestat il-validità tal-arrest. L-Ispettur spjegat li nħareġ mandat ta’ arrest għaż-żagħżugħ u mbagħad dan ġie arrestat meta ntalab imur l-għassa tal-Imsida. Il-Maġistrat iddikjarat l-arrest bħala wieħed validu.

De Marco qalet li l-mara li qalet li ġiet stuprata tkellmet maż-żagħżugħ Għawdxi online l-għada li allegatament ġara l-każ u qaltlu kemm ħadet gost. Il-Prosekuzzjoni u l-Avukatessa parte civile Lara Dimitrijevic oġġezzjonaw għal dan u l-Qorti laqgħet l-oġġezzjoni tagħhom.

Skont l-Avukatessa tad-Difiża, il-każ ġara fl-2016 filwaqt li r-rapport sar tliet xhur ilu. Hija ssuġġeriet li l-Ispettur missha ħadet azzjoni qabel jekk ħasbet li kien hemm ċans li titbagħbas l-evidenza. Id-Difiża kompliet targumenta li l-akkużat għandu kondotta nadifa u jista’ joqgħod Malta, peress li dan joqgħod Għawdxi. Qalet ukoll li l-allegata vittma ma beżgħetx mill-akkużat u baqgħet tkellmu sa Mejju tas-sena l-oħra, u ma kien hemm l-ebda theddid. Qalet li l-ġenituri tal-akkużat kienu lesti jieħdu responsabbiltà tiegħu huma.

L-Ispettur argumentat li l-vittma toqgħod fl-istess raħal tal-akkużat. Dimitrijevic żiedet tgħid li qrabatu allegatament marru għand il-qraba tal-vittma lbieraħ jistaqsu għall-informazzjoni, iżda hu ma kienx magħhom għax kien arrestat. Dwar dan, id-Difiża qalet li l-ġenituri tiegħu sempliċiment riedu informazzjoni dwar x’ġara minn binhom. Dimitrijevic talbet lill-Qorti biex jekk jinħeles iż-żagħżugħ, tinħareġ ordni ta’ protezzjoni favur il-mara.

Il-ġuvni ngħata l-ħelsien mill-arrest bil-patt li ma jmur fl-ebda indirizz fejn toqgħod il-vittma, u b’depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000. Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-allegata vittma.