Student tas-Seminarju Minuri ta’ Għawdex pożittiv għall-coronavirus – sorsi

Read in English.

Diversi sorsi ta’ Newsbook.com.mt sostnew li hem student tas-Seminarju Minuri ta’ Għawdex li ħareġ pożittiv għall-coronavirus.

L-istess sorsi spjegaw li għadu mhux qed isir contact tracing b’rabta ma’ dan il-każ fl-iskola.

Intant, sorsi oħrajn qalu li fl-iskola primarja tar-Rabat Għawdex, magħrufa bħala The Happy School, hemm żewġ każi riċenti ta’ LSE u student li ħarġu pożittivi għall-virus.

Il-firxa tal-virus fil-pajjiż qed tkompli tqajjem tħassib fost ħafna minħabba r-rapidita tagħha. Propju llum, tħabbru 174 każ ġdid tal-coronavirus, filwaqt li fiequ 93 persuna. Il-każijiet ġodda rriżultaw mill-2,842 swab test li saru. Intant b’kollox mietu 70 persuna minħabba li ġew infettati bil-virus.

Minn meta feġġet il-pandemija fil-pajjiż s’issa saru total ta’ 351,992, minnhom ħarġu pożittivi 6,764 persuna. Minn dawn s’issa fiequ 4,765 persuna filwaqt li hemm 1,929 każ attiv bħalissa.

Propju l-ġimgħa li għaddiet, is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci qalet mal-ġurnalisti li ma kienx hemm trażmissjonijiet kbar tal-coronavirus fl-iskejjel u ma kienx hemm studenti li ħadu l-virus mingħand xulxin.

Waqt l-aġġornament li tagħmel kull nhar ta’ Ġimgħa, qalet li kien hemm xi każijiet fejn il-virus ittieħed bejn il-ħaddiema u dawn il-każijiet huma inklużi fit-taqsima tal-postijiet tax-xogħol meta tiġi ppubblikata l-istatistika mill-Ministeru tas-Saħħa ta’ kuljum. Stqarret iżda, li l-virus għadu ma ġiex trażmess minn student għall-ieħor fil-primarja jew fis-sekondarja.

Hija qalet li tapprezza l-miżuri meħudin mill-edukaturi u mill-iskejjel sabiex l-imxija tal-coronavirus tkun waħda mrażżna. Appellat lill-ġenituri biex jekk uliedhom ikunu jidhru ma jifilħux, dawn jibqgħu d-dar.