Student mitlub jibqa’ d-dar għax l-LSE ma attendietx skola

Student Għawdxi li għandu diżabbiltà ntalab jibqa’ d-dar għax il-Learning Support Educator (LSE) li tieħu ħsiebu ma attendietx skola. Il-każ ġara fil-kulleġġ t’Għawdex.

Fil-Parlament, id-Deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni fuq dan il-każ li ġara f’Novembru meta student b’diżabbiltà ntalab jibqa’ d-dar għax l-LSE tiegħu ma marritx għax-xogħol. Huwa staqsa għaliex m’hemmx għadd ta’ LSEs f’Għawdex li jkunu lesti jikkostitwixxu lil xulxin meta xi ħadd ikun marad jew ma jistax jattendi.

Il-Ministru spjegat li minħabba l-pandemija, inħolqu ċerti ċirkustanzi li ma jkunux jistgħu jiġu evitati. Qalet li ilha teżisti s-sistema ta’ LSEs li jieħdu post xulxin meta xi ħadd jimrad, eċċ, b’20 LSE, imma din is-sena, ma setgħetx tintuża din is-sistema peress li l-istudenti inkwistjoni jitqiesu vulnerabbli.

12-il LSE Għawdxi mistennija jkunu trasferiti Għawdex dis-sena

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li din is-sena, 12-il Learning Support Educator (LSEs) Għawdxin li jaħdmu Malta mistennija jkunu trasferiti Għawdex.

Dan qalitu hi u twieġeb sensiela ta’ mistoqsijiet tad-Deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar fil-Parlament, dwar is-sitwazzjoni tal-LSEs f’Għawdex.

Waħda mill-mistoqsijiet ta’ Cutajar kienet kemm hawn LSEs Għawdxin jaħdmu f’Malta. Il-Ministru qalet li hawn 214-il LSE Għawdxi, imma 12 minnhom mistennija jiġu trasferiti din is-sena. Dawn, iżda, ma jinkludux l-20 LSE li qegħdin Għawdex fil-perjodu ta’ tqala.

Mistoqsija minn Cutajar fuq hekk, il-Ministru qalet li bħalissa hemm 16-il LSE li qegħdin jaħdmu Għawdex għax għandhom każ umanitarju. Spjegat li hu l-bord mediku li jistabbilixxi jekk il-każ tal-LSE jkunx jimmerita li din taqbeż il-lista ta’ stennija u tmur taħdem Għawdex.

Il-bord jagħti r-rakkomandazzjoni tiegħu, u mbagħad id-Direttur tar-Riżorsi Umani tara x’inhu meħtieġ li jsir.

Dwar il-kors għal-LSEs

Apparti hekk, il-Ministru tat tweġibiet ukoll fuq il-kors għal-LSEs, il-Baċellerat fl-Edukazzjoni Inklussiva, li hu offrut kemm mill-MCAST kif ukoll mill-Università.

Id-Deputat Kevin Cutajar staqsieha x’se tagħmel biex tindirizza l-anomalija preżenti li min jagħmel il-kors full-time jaqbeż il-lista ta’ stennija biex jaħdem Għawdex, a skapitu taLSEs oħra bi snin twal ta’ ħidma f’Malta li propju għax jaħdmu, ikunu kostretti jagħmlu l-kors part-time.

Caruana spjegat li l-LSEs li jispiċċaw dan il-kors b’suċċess, permezz tal-Ftehim Settorali tal-2017, jipprogressaw għal LSE III. Meta edukaturi, mhux biss LSEs, jaslu biex jittellgħu Għawdex, dan isir skont il-lista tas-seniority u mhux bl-esperjenza. Dan il-kriterju kien ġie miftiehem mal-MUT.

Żiedet tgħid li bħalissa fl-MCAST hemm 75 student Għawdxi fit-tielet sena tal-Baċellerat fuq bażi part-time u tmien studenti fuq bażi full-time. Fl-Università, filwaqt li m’hemmx studenti Għawdxin li qed isegwu l-Baċellerat fl-Arti fl-Iffaċilitar tal-Edukazzjoni Inklussiva (Unuri) fuq bażi full-time, hemm 38 student Għawdxi li qed isegwu l-kors fuq bażi part-time.