Student jagħmel filmat dwar l-inizjattiva Adopt a Grandparent

L-inizjattiva ta’ Missio u Newsbook.com.mt li permezz tagħha persuni jkunu jistgħu ‘jaddottaw’ nannu jew nanna nebbħet lil Nathan Mallia Rapinett biex jagħmel filmat. It-tfajjel ta’ 13-il sena, student fis-Seminarju Minuri, għażel din l-inizjattiva fix-xogħol skolastiku tiegħu. “Ftakart fin-nanna tiegħi li kienet se tispiċċa magħluqa ġewwa darha. Iżda għall-inqas, in-nanna għandha lilna. Hawn ħafna anzjani li m’għandhom lil ħadd,” qal Nathan.

Minkejja l-età żgħira tiegħu, malajr għaraf kemm inizjattiva bħal Adopt a Grandparent kienet se tħalli ġid fost dawk li jinfilġu bis-solitudni. Nathan qal li minħabba l-pandemija huwa wkoll ġieli ħassu waħdu minkejja li kien imdawwar bil-familja, aħseb u ara min ma kellu lil ħadd. Kien minħabba f’hekk li għażel li jagħmel il-filmat fuq din l-inizjattiva.
Bħal Nathan, madwar 120 persuna s’issa ħassewhom imqanqla biex jissieħbu fl-inizjattiva Adopt a Grandparent. 80 minn dawn diġà addottaw anzjan jew anzjana. Iżda hemm aktar anzjani li qed jistennew faraġ u aktar nies b’ħafna mħabba x’joffru. Issieħeb int ukoll f’din l-inizjattiva. Midd idejk lejn ħajja fejn tisma’ u ssib min jisimgħek. Addotta int ukoll nanniet li magħhom kuljum, tqatta’ ftit ħin permezz tat-tablet jew il-mobile.


Biex tissieħeb tista’ tidħol fis-sit www.adoptgrandparent.org jew billi ċċempel 21222001