Struzzjonijiet ġodda għal nisa f’ħajja kontemplattiva

Il-Vatikan ippubblika sett ta’ struzzjonijiet b’normi ġodda għall-ordnijiet tas-sorijiet kontemplattivi biex jinkoraġġixxi l-koperazzjoni bejn il-ministeri u jsalva dawk il-monasteri li għandhom biss ftit membri.
Id-dokument intitolat “Qlub Jitolbu” isegwi struzzjonijiet li l-Papa Franġisku kien ħareġ fl-2016, permezz ta’ dokument ieħor imsejjaħ “Infittxu Wiċċ Alla”. Dawn iż-żewġ dokumenti huma intiżi biex iħarsu l-identità u l-missjoni tas-sorijiet kontemplattivi.
L-istruzzjonijiet il-ġodda huma maħsuba biex jimlew il-vojt li ħalliet il-Kostituzzjoni Appostolika “Sponsa Christi” tal-Papa Piju XII maħruġa fl-1950.
L-Arċisqof José Rodríguez Carballo, Segretarju tal-Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ Ħajja Konsagrata qal li bidla importanti titlob li ministeru jew komunità ta’ nisa kontemplattivi jrid ikollhom almenu tmien nisa reliġjużi professi, biex iżommu l-awtonomija tagħhom.
Jekk dan in-numru jinżel sa ħamsa ma jkollhomx dritt jeleġġu superjura.  F’dan il-każ irid ikun infurmat il-Vatikan u jinħatar amministratur biex jara jekk id-diffikultajiet tal-komunità jkunux ta’ natura ‘temporanja’ jew ‘irriversibbli’.
Il-monasteri kollha issa jridu jkunu jiffurmaw parti minn Federazzjoni biex b’hekk tkun faċilitata l-informazzjoni, il-qsim tal-assi u jkollhom skambji bejn il-membri tagħhom. Il-monasteri kollha ngħataw sena żmien biex jirregolarizzaw ruħhom mal-istruzzjonijiet il-ġodda.
Ir-regoli l-ġodda tfasslu fuq risposti li taw l-istess komunitajiet tar-reliġjużi nisa kontemplattivi għal kwestjonarju li kien intbagħtilhom ftit żmien ilu.