Stress tal-virus fuq il-koppja

Il-coronavirus ma jfissirx biss marda jew mewt. Bħalissa għaddejjin minn perijodu stramb u terremot emozzjonali li heżżiżna. Qed jaffettwalna l-iktar affarijiet importanti: is-saħħa, il-ħajja, ix-xogħol, il-flus u l-ħajja soċjali, inklużi r-relazzjonijiet romantiċi.

Ir-relazzjonijiet huma l-bażi tas-soċjetà, ġebel importanti biex tinbena l-komunità. Minħabba li l-coronavirus affettwa wkoll dawn ir-relazzjonijiet, importanti li nirriflettu dwar kif intejbu u nħarsu dawn ir-relazzjonijiet tagħna. Dan iż-żmien jista’ jservi ta’ tkabbir u opportunità unika biex bħala koppja u familja nikbru u nimmaturaw fl-imħabba lejn xulxin.

Dawk il-koppji li kellhom diffikultajiet fil-komunikazzjoni u fil-konnessjoni emozzjonali ta’ bejniethom qabel wasal il-coronavirus f’Malta jistgħu jkunu f’riskju akbar minn dawk f’relazzjoni soda minn qabel. Imma rridu ngħidu li anki koppji “b’saħħithom” jistgħu jintlaqtu ħażin minn din is-sitwazzjoni stramba u partikolari.

Importanti li tistaqsu lilkom infuskom: “Kif qed inħossni fir-relazzjoni tiegħi mal-partner tiegħi? Il-Coronavirus kif affettwa r-relazzjoni tiegħi mas-sieħeb jew sieħba tiegħi? Kif nistgħu ntejbu r-relazzjoni tagħna?”

Dawn huma xi ideat biex dan iż-żmien ta’ sfida jservikom bħala opportunità.

  • Agħtu lil xulxin spazju biex tesperjenzaw anki emozzjonijiet negattivi fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti u biex taċċettaw li intom żewġ individwi differenti li tistghu tesperjenzaw emozzjonijiet differenti. Appoġġjaw lil xulxin billi tempatizzaw ma’ xulxin. In-niket fid-dawl tal-bidla u tan-“normal li tlifna” huwa wkoll parti mill-vjaġġ biex naċċettaw is-sitwazzjoni.
  • Tkellmu bejnietkom u sibu rutina xierqa għalikom it-tnejn. Ma għandniex kontroll fuq meta se tintemm din il-maltempata li ħoloq il-coronavirus, imma għandna kontroll fuq kif aħna nirreaġixxu għaliha. Kif nistgħu nitgħallmu nkunu forċina għal xulxin fil-maltemp?
  • Ċerta struttura fil-ġurnata tista’ tgħinkom biex toħolqu sens ta’ normalità, kontroll u sigurtà. Dan jista’ wkoll inaqqas l-ansjetà li forsi qed tesperjenzaw bħalissa. Il-fatt li taħdem mid-dar jista’ jkun pjuttost diffiċli biex tikkontrolla meta tibda, meta tieħu l-pawsiet, u meta tispiċċa. Għalhekk importanti li l-koppji jiddiskutu x’ħin se jibda x-xogħol u x’ħin se jispiċċa. Barra minn hekk, tistgħu toħorġu bi pjan dwar kif se jitqassam ix-xogħol tad-dar u kif se tieħdu ħsieb it-tfal u l-bżonnijiet differenti tagħhom (lezzjonijiet online, homework, logħob, attivitajiet, eċċ.). Dan jista’ jinħass diffiċli, imma meta tagħmluh flimkien bħala koppja jista’ jkun esperjenza sabiħa li tgħaqqadkom aktar, esperjenza li fil-ħajja “normali” mhux dejjem ikollkom ċans għaliha. 
  • Il-fatt li ta’ kuljum qed tqattgħu l-parti l-kbira tal-ġurnata flimkien jista’ jħallikom mingħajr ħin personali fejn tistgħu tagħmlu l-affarijiet li tħobbu. Ir-rispett lejn l-ispazju individwali ta’ xulxin jista’ jgħinkom tikbru u biex ma jkunx hemm tensjoni żejda. Importanti li dan il-ħin individwali jkun diskuss u maqbul minn qabel bejn it-tnejn.
  • Il-kunflitt huwa normali fi kwalunkwe relazzjoni, imma l-probabbiltà ta’ kunflitt f’sitwazzjonijiet stressanti ħafna drabi jiżdied. Ġeneralment il-kunflitt jinħoloq għax ikun hemm xi bżonn ta’ xi ħadd minnkom li ma jkunx ġie sodisfatt. Il-kunflitt fih innifsu jista’ jgħinkom ittejbu r-relazzjoni, imma hemm bżonn li l-koppja tkun taf kif timmaniġġa l-kunflitt b’mod kostruttiv. Għidu lil xulxin xi jkollkom bżonn biex tikkalmaw waqt kunflitt u kif tistgħu tappoġġjaw lil xulxin. Importanti li tisimgħu b’mod attiv lil xulxin u tippruvaw tifhmu x’qed iħoss verament l-ieħor.

Meta l-koppja tkun magħquda, il-probabbiltà hija li t-tnejn se jħossuhom eqreb ta’ xulxin emozzjonalment u jkunu jifilħu jaffrontaw kull tip ta’ maltempata li l-ħajja tippreżentalhom.

Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.

Ara l-magazine hawn