Strawberry Field se tiftaħ bħala attrazzjoni turistika

Id-dar għat-tfal li kienet l-ispirazzjoni għall-kanzunetta famuża tal-Beatles Strawberry Fields Forever se tiftaħ il-bibien tagħha llum is-Sibt bħala attrazzjoni turistika u ċentru għaż-żgħażagħ mis-Salvation Army. Kull sena madwar 60,000 ruħ imorru u jaslu sal-kanċell tal-post wara li l-Fab Four għamluha popolari fl-1967.

Strawberry Field tinsab fis-sit f’Beaconsfield Road li kienet tintuża minn għaqda tal-karità mll-1936 sal-2005, f’liema sena għalqet u baqgħet magħluqa sal-lum.

Julia Baird, oħt John Lennon, quddiem Strawberry Field

Julia Baird, ta’ 72 sena u tiġi oħt John Lennon, qalet li meta ħuha kien tifel kien jaqbeż iċ-ċint tal-post u jgħaddi ħin twil hemmhekk fejn kien iħossu għal kwiet “fil-post speċjali għalih.”

Il-lirika tal-kanzunetta Strawberry Field kif miktuba minn John Lennon

Iċ-ċentru fi Strawberry Field se jkollu għall-wiri oġġetti marbuta mat-tfulija u l-ħajja ta’ John Lennon waqt li jipprovdi tagħlim għal tfal li jkollhom diffikultà biex jitgħallmu.

Iċ-ċentru għaz-żgħażagħ fi Strawberry Field

Kelliem għas-Salvation Army qal li John Lennon kien isib is-serħan f’dan il-post u dak hu eżattament dak li se joffru liż-żgħażagħ issa meta jinfetaħ għal dejjem il-kanċell ta’ Strawberry Field.”