Strateġija li tpoġġi lill-BOV fost l-aqwa banek fl-Ewropa

Is-46 Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Bank of Valletta

BOV-AGM-2020-b

Read in English.

Is-46 Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Bank of Valletta saret nhar il-Ħamis 26 ta’ Novembru 2020. Din il-LĠA saret b’mod virtwali skont ir-rakkomandazzjonijiet attwali tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Waqt li kien qed jindirizza lill-azzjonisti, iċ-Chairman il-ġdid Dr Gordon Cordina qal li minbarra l-ħtieġa li noħorġu b’saħħitna mis-sitwazzjoni li ġabet magħha il-COVID-19, il-Bank daħal għal programm ambizzjuż li se jittrasforma l-mod kif il-Bank jagħmel in-negozju tiegħu fil-ġejjieni. ‘Dan ma jistax ikun eżerċizzju ta’ fuq fuq, iżda bidla mill-qiegħ, minn ġewwa għal barra, li taffettwa l-operazzjonijiet u l-interazzjonijiet mal-istakeholders kollha, kemm interni kif ukoll esterni biex niżguraw irwieħna li l-Bank jibqa’ rilevanti għall-ekonomija Maltija u jwassal redditu aħjar lill-azzjonisti.

‘L-istrateġija l-ġdida, “BOV-2023” għandha l-għan li tpoġġi l-Bank fost l-aqwa banek fl-Ewropa meta mqabblin mad-daqs tagħna. It-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija qed jiġu appoġġjati minn professjonisti b’esperjenza relevanti fuq livell internazzjonali.’ kompla Dr Cordina. ‘Il-mira ta’ din l-istrateġija hija li tkattar il-valur tal-intrapriża għat-tul ta’ żmien, b’viżjoni biex jerġa’ jinkiseb il-ħlas tad-dividend f’livelli li huma adegwati, stabbli u prevedibbli.

Il-Kap Eżekuttiv tal-BOV Rick Hunkin kompla biex jagħti ħarsa lejn il-punti ewlenin tal-prestazzjoni tal-Bank matul l-2019. Il-Grupp BOV irrapporta profitt qabel it-taxxa ta’ € 89.2m. Il-profitt attribwibbli lill-azzjonisti kien ta’ € 63.5m li jirriżulta fi qligħ għal kull sehem ta’ 10.9 ċenteżmi, meta mqabbel ma’ 8.8 ċenteżmi s-sena ta’ qabel. Meta nieħdu il-provvediment addizzjonali għall-obbligi ta’ kontinġenza ta’ €25m u spejjeż addizzjonali assoċjati mal-programm ta’ trasformazzjoni tagħna ta’ €23.9m, il-profitt sottostanti kien ta’ €138.1m.

Il-karta tal-bilanċ kompliet tikber matul l-2019, b’self gross lill-klijenti ta’ 1.9% ogħla mill-2018 u jlaħħqu €4.7 biljun. Id-depożiti żdiedu wkoll bi 2.1% li rriflettew it-tkabbir mill-attività ekonomika lokali, u b’hekk ipattu għat-tnaqqis sostanzjali fid-depożiti li kellhom klijenti internazzjonali. Is-saħħa kapitali kienet evidenzjata minn titjib fil-proporzjon CET1 – fl-aħħar tas-sena dan kien ta’ 19.5%, żieda ta’ 120 punt bażi fuq is-sena li għaddiet.

‘L-istrateġija BOV 2023 hija mfassla biex tagħmel il-Bank of Valletta bank aktar reżiljenti u aktar profittabbli: aħjar, u aktar effiċjenti,’ qal is-Sur Hunkin. It-tliet pilastri ewlenin ta’ din l-istrateġija se jiffokaw fuq:

  1. investiment fid-diġitazzjoni tal-prodotti u servizzi, biex tagħmilha aktar faċli għall-klijenti biex jinteraġixxu magħna;
  2. Bilanċ mill-ġdid tal-Karta tal-Bilanċ tagħna fejn ser nagħtu pariri lil settur tal-klijenti tagħna biex jiksbu bilanċ aħjar fil-portafolli tagħhom billi ngħinuhom jidentifikaw prodotti ta’ investiment alternattivi li jagħtuhom qligħ aħjar mill-kontijiet tad-depożitu tagħhom; u
  3. Se ntejbu l-esperjenza tal-klijenti billi nirranġaw proċessi li huma twal u kumplessi mingħajr bżonn u naġġornaw sistemi li mhumiex jgħinu l-interazzjonijiet mal-klijenti.’

‘Aħna komplejna bl-isforzi u l-investimenti tagħna biex innaqqsu l-element ta’ riskju fil-portafoll tagħna permezz ta’ Risk Appetite Framework ġdid matul l-2019 u l-2020. Żidna l-kontrolli u ssikkajna fil-politiki tagħna sabiex indirizzajna xi nuqqasijiet li kellna fil-passat fil-qasam tal-kontrolli. Dan kien jeħtieġ investiment ta’ €23.9m matul l-2019 u aktar investiment matul l-2020 sabiex niżguraw li l-Bank ikun miexi mal-aħjar prattiċi internazzjonali.’

‘Aħna komplejna nagħmlu sforz u investiment sinifikanti biex innaqqsu r-riskji fuq il-portafoll tagħna permezz ta’ qafas ġdid ta ‘aptit għar-riskju matul l-2019 u wkoll l-2020. B’suċċess qlibna għal Sistema Bankarja Ewlenija ġdida, pjattaforma moderna tal-IT li se nibqgħu nibnu fuqha biex noffru servizzi elettroniċi aħjar u prodotti u servizzi speċjalizzati lill-klijenti tagħna,’ kompla l-Kap Eżekuttiv tal-BOV. ‘Għamilna sforzi kbar biex nagħlqu obbligazzjonijiet kontinġenti li jirriżultaw minn kwistjonijiet legali tal-passat. Riċentement għalaqna l-Każ tal-iSwedish Pension Agency bi ħlas ta’ €26.5m, ħlas sinifikattivament aktar baxx minn €88m mitluba mill-iSPA. Il-każ tal-Property Fund ngħalaq favur il-Bank fl-2019 u bħalissa qed nistennew ir-riżultati legali tal-każ Deiulemar.

‘Fl-aħħarnett, id-deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi li tirtira r-rakkomandazzjoni oriġinali tagħha lill-Laqgħa Ġenerali Annwali biex tapprova l-ħlas ta’ dividend finali fir-rigward tas-Sena Finanzjarja 2019 hija bbażata fuq direttiva tal-BĊE dwar id-distribuzzjoni tad-dividend. Il-banek ingħataw struzzjonijiet biex jippreservaw il-kapital kollu sakemm l-effetti finali tal-pandemija jkunu magħrufa. Aħna nifhmu li din mhix aħbar milqugħa tajjeb mill-azzjonisti, imma nisperaw li tifhmu li din hija sitwazzjoni bla preċedent li lkoll qed niffaċċjaw,’ temm jgħid is-Sur Hunkin.

Ħames riżoluzzjonijiet tpoġġew quddiem il-LĠA u ġew approvati. Ir-riżoluzzjonijiet ordinarji inkludew l-approvazzjoni tal-Kont tal-Profitt u Telf (Profit & Loss Account) u l-Karta tal-Bilanċ għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2019, il-ħatra mill-ġdid tal-Awdituri tal-Bank, il-Politika ta’ Rimunerazzjoni għad-Diretturi u l-Variable Remuneration Share Plan tal-BOV. Riżoluzzjoni straordinarja li tipproponi tibidliet fil-Memorandum u l-Artikoli tal-Assoċjazzjoni ġiet ukoll approvata mill-Laqgħa Ġenerali Annwali.

Il-Bord tad-Diretturi rċieva tliet riżenji minn Diretturi Mhux Eżekuttivi, matul l-2019 u matul l-ewwel kwart tal-2020. Wara sejħa ta’ applikazzjoni għan-nomina ta’ Diretturi Mhux Eżekuttivi, il-Bank irċieva 4 nominazzjonijiet, żewġ kandidati irtiraw in-nomina tagħhom u ż-żewġ  kandidati l-oħra ma ssodisfawx il-kriterji stabbiliti mill-Kumitat tan-Nominazzjonijiet u Governanza. Ma saritx elezzjoni u t-tliet postijiet vakanti baqgħu vakanti.

Għalhekk, b’effett mis-26 ta’ Novembru 2020, il-Bord tad-Diretturi għas-Sena Finanzjarja 2020 għandu jkun magħmul mid-Diretturi li ġejjin:

1. Cordina Gordon (President)

2. Agius Stephen

3. Borg Miguel

4. Bugeja Diane

5. Grech James

6. Hunkin Rick

7. Lupi Alfred

8. Mangion Anita

9. Mifsud Alfred

10. Piras Antonio

Maħruġa mill-Bank of Valletta p.l.c., 58, Triq San Żakkarija, il-Belt Valletta VLT 1130. Bank of Valletta p.l.c. hija kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata regolata mill-MFSA, liċenzjata biex twettaq in-negozju tas-servizzi bankarji u ta’ investiment skont l-Atti tas-Servizzi Bankarji u ta’ Investiment (Kap.370, 371 tal-Liġijiet ta’ Malta).