Read in English.
L-UE teħtieġ strateġija komuni biex titrażżan l-imxija tal-COVID-19 u jkun evitat li Stati Membri jimmarkaw bħala żoni ħomor lill-pajjiżi oħrajn tal-UE. Dan qalu l-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sigurtà tal-Ikel waqt laqgħa ma’ Dr Andrea Ammon, Direttriċi taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) wara li hi pprovdiet aġġornament tas-sitwazzjoni dwar il-pandemija fl-UE u l-ħidma tal-ECDC biex tindirizzaha.
Dr Ammon innutat kif fl-aħħar ħames ġimgħat kien hemm żieda ta’ infezzjoni fl-Unjoni, bir-rata titla’ għal madwar 46 pazjent kull 100,000 persuna fil-ġimgħa. Madankollu s-sitwazzjoni kienet varja bejn pajjiż u ieħor, minn żewġ każijiet għal 176 każ kull 100,000 ruħ.
Id-Direttriċi spjegat li ż-żieda fil-medja kienet dovuta wkoll għal numru ferm akbar ta’ testijiet li qed isiru madwar l-Ewropa, hekk kif dawn telgħu għal firxa ta’ bejn 173 u 6,000 kull 100,000 persuna fil-ġimgħa. Sostniet li każijiet li persuna tkun infettata għat-tieni darba bil-COVID-19 kienu rari ħafna u s-sintomi kienu inqas b’saħħithom.
Waqt l-intervent tagħha, Ammon qalet li kien qed jitħejja protokoll dwar l-influwenza staġjonali għall-Istati Membri li se jkun applikabbli mill-1 ta’ Ottubru, li se jinkludi enfasi għal żieda fit-tilqim tal-gruppi vulnerabbli.
Bżonn ta’ ttestjar armonizzat fuq livell Ewropew
Il-Membri Parlamentari Ewropew esprimew id-diżappunt tagħhom għall-fatt li m’hemmx metodu komuni ta’ kif jingħaddu l-każijiet fil-pajjiżi differenti u għall-fatt li kull pajjiż qed iwettaq it-testijiet skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-aġenziji xjentifiċi nazzjonali, mingħajr ebda koordinazzjoni.
Min-naħa tagħha Dr Ammon wissiet ukoll dwar il-miżinformazzjoni dwar it-tilqim tal-COVID-19 u anke l-fatt li bosta żgħażagħ jeżitaw milli jieħdu tilqim li jista’ jkun meħtieġ għalihom, waqt li sostneit li l-ECDC qed tagħmel minn kollox biex tispira fiduċja f’dan il-qasam.