Il-UNHCR titlob li lokalitajiet f’Malta jngħataw aktar importanza minn oħrajn

L-aġenzija tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-refuġjati, il-UNHCR, faħħret l-istrateġija ta’ integrazzjoni għall-migranti li lbieraħ tnediet f’Malta, u ddeskrivitha bħala kisba ewlenija għall-pajjiż.
Ilbieraħ tnediet l-hekk imsejħa “Strateġija u Pjan ta’ Azzjoni għall-Integrazzjoni tal-Migranti” li għandha l-għan li tkun implimentata sal-2020.
Il-Ministru għall-Ugwaljanza, Helena Dalli, qalet waqt it-tnedija li bħalma l-pajjiż irnexxa fil-qasam ekonomiku tal-migrazzjoni, jista’ jirnexxi fil-qasam soċjali, billi jgħin lill-immigranti jintegraw: jitgħallmu jitkellmu bil-Malti u bl-Ingliż; u jkunu konxji mil-liġijiet, il-kultura u l-istandards fil-pajjiż.
Sadanittant, il-UNHCR qalet li Malta għamlet progress f’diversi oqsma minn das-settur, u rrikonoxxiet li s-soċjetà Maltija qed tiżviluppa b’rata mgħaġġla, u għalhekk meħtieġa strateġija li tiffaċilità l-inklużjoni tal-migranti fil-pori tas-soċjetà.
Madankollu rrimarkat ukoll li tifhem l-isfidi li jiltaqgħu magħhom xi lokalitajiet minħabba l-għadd ta’ migranti, u talbet biex dawn il-komunitajiet jingħataw aktar importanza minn lokalitajiet oħra.
Fakkret ukoll li filwaqt li hawn migranti li rnexxew f’Malta, oħrajn għadhom qed jiġġieldu mal-ħajja.
Għalhekk lil dawn hemm bżonn li l-integrazzjoni tagħhom, sostniet il-UNHCR, tkun kumplessa iżda ftit ftit, u tkun tinkorpora l-aspett legali, ekonomiku, soċjali u kulturali Maltin.
L-organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda temmet tawgura lil Malta f’dan il-“pass ta’ merħba fid-direzzjoni t-tajba”.
Ritratt: DOI – Omar Camilleri