Strajk tat-tobba dwar talba għal pagi aħjar hekk kif jiżdiedu l-każijiet fi Spanja

Photo Credit - https://fshoq.com

Mijiet ta’ tobba tal-kura primarja ħarġu bi strajk fir-reġjun Spanjol tal-Katalunja hekk kif talbu titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol fost żieda qawwija tal-każijiet ta’ coronavirus.

Bi kważi 900,000 każ rappurtat u 33,000 mewta sa mill-bidu tal-pandemija, Spanja huwa l-aktar pajjiż milqut fl-Ewropa tal-Punent, bil-kapitali Madrid u sobborgi fil-qrib jinsabu f’lockdown sa mill-ġimgħa li għaddiet.

Iċ-ċentri pubbliċi tal-kura primarja huma l-ewwel linja ta’ difiża kontra l-vajrus hekk kif huma jieħdu ħsieb l-ittestjar u l-contact tracing kif ukoll jagħtu l-kura meħtieġa lill-morda. It-tobba sostnew li dawn iċ-ċentri ma jifilħux aktar għall-pressjoni li hemm fuqhom.

“Qed nitolbu l-għajnuna għaliex kif qegħdin ma nistgħux nagħtu l-għajnuna li għandhom bżonn in-nies biex nikkurawhom waqt il-pandemija tal-coronvirus”, qalet Natalia Roses, tabiba, waqt protesta f’Barċellona fl-ewwel jum minn strajk li mistenna jdum erbat ijiem.

L-istrajk issejjaħ mill-unjon Metges de Catalunya li tirrappreżenta mas-6,000 tabib li jaħdmu fil-kura primarja. Dawn qed jitolbu żidiet fil-pagi u aktar reklutaġġ ta’ tobba biex jitpatta t-tnaqqis fil-baġit tal-aħħar għaxar snin, kif ukoll titjib fil-mod kif il-ħaddiema huma mqassmin biex jiġġieldu aħjar din il-kriżi.

Kważi 20% tat-tobba ħadu sehem fl-istrajk, skont il-kelliema tal-gverna reġjonali Katalan Meritxell Budo. Hija qalet li l-awtortajiet reġjonali semgħu l-karba tat-tobba filwaqt li spjegat li l-Katalonja tinsab f’sitwazzjoni “inkwetanti ħafna” fil-bidu tat-tieni mewġa tal-vajrus. Hija ħabbret ukoll li aktar tard din il-ġimgħa se jitħabbru restrizzjonijiet ġodda li jillimitaw interazzjonijiet soċjali u l-mobilità tan-nies.

Mijiet ta’ tobba protestaw fiċ-ċentru ta’ Barċellona waqt li għajtu “Biżżejjed”.

“Naħseb li l-persunal tas-saħħa huma fost l-aktar li għandhom raġunijiet validi biex jistrajkjaw bil-mod kif sejrin l-affarijiet”, sostna l-Professur tal-Università, Jose Enrique Gallego, 60, barra ċentru tal-kura tas-saħħa.