Strajk tal-ġuħ fuq il-vapuri tal-Captain Morgan – Alarm Phone

Attentati ta' suwiċidji minn dawk abbord

Alarm Phone

Għadd ta’ persuni li jinsabu abbord żewġ vapuri tal-Captain Morgan fl-ibħra ‘l barra mill-kosta Maltija bdew strajk tal-ġuħ.

Fuq Twitter l-għaqda Alarm Phone qalet li xi nies abbord dawn iż-żewġ vapuri nrexxielhom jagħmlu kuntatt magħhom. Minħabba s-sitwazzjoni ta’ disprazzjoni li jinsabu fiha wħud minnhom bdew strajk tal-ġuħ. Oħrajn ippruvaw itemmu ħajjithom.

Il-persuni abbord il-vapuri tal-Captain Morgan qalu li qed tiżdied l-ansjetà. M’hemmx biżżejjed ikel u lanqas m’għandhom kura tas-saħħa adegwata.

Appellaw lil Malta biex ittemm dan it-trattament inuman.

Fil-15 ta’ Mejju ntbagħat vapur akbar tal-Captain Morgan biex jospità għadd ta’ immigrant li ġew salvati mill-baħar. Il-Gvern Malti għadu ma jridx iħalli lill-110 persuna li jinsabu bejn sema’ u ilma jinżlu l-art.

ll-Prim Ministru Robert Abela ma qalx jekk il-ħaddiema tal-vapuri tal-Captain Morgan, li għandhom l-immigranti fuqhom, humiex qed jitħallsu mill-Gvern.