Strajk mit-tobba nhar it-Tlieta li ġej

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija l-MAM ħabbret strajk ta’ siegħa għat-tobba fis-settur kollu tas-saħħa, ħlief fid-Dipartiment tal-Emerġenza, swali u operazzjonijiet. Dan l-istrajk se jidħol fis-seħħ nhar it-Tlieta 5 t’Awwissu bejn it-8 u d-9 ta’ filgħodu. Direttiva oħra hija dik li mhux se jinħarġu ċertifikati ta’ mard mit-tobba għall-perijodu ta’ 24 siegħa u li se jibda t-Tlieta li ġej fit-8 ta’ filgħodu.
L-akbar kwistjoni skont il-MAM hija dik li l-ftehim kollettiv tat-tobba mhux qed jiġi onorat.
Kwistjonijiet oħra li wasslu għal din it-tilwima industrijali huma dawk b’rabta mas-sejħa għall-interess għal serħan mix-xogħol ta’ bil-lejl fiċ-ċentri tas-saħħa, u dwar xift li l-MAM qed tiddeskrievi bħala wieħed illegali.
Il-MAM qed tgħid ukoll li numru ta’ tobba f’Għawdex m’humiex qed jitħallsu skont il-ftehim kollettiv.