Strajk Lufthansa: Jitħassru 1,300 titjira

Read in English.



Il-kumpanija tal-ajru Lufthansa ħassret 1,300 titjira wara li tilfet battalja legali biex twaqqaf strajk tal-membri tal-ekwipaġġ.

L-azzjoni industrijali fuq jumejn dwar il-pagi u l-kundizzjonijiet daħlet fis-seħħ f’nofsillejl. Madwar 180,000 passiġġier qed jaffaċċjaw tibdil fl-iskeda tal-ivvjaġġar tagħhom.

Dan l-istrajk qed jaffettwa t-titjiriet kollha tal-Lufthansa minn ajruporti Ġermaniżi. Titjiriet minn linji tal-ajru oħra bħal Eurowings, Swiss, Austrian Airlines u Brussels Airlines mhux se jiġu affettwati.

B’700 titjira mħassra llum u 600 oħra għada, Lufthansa se tkun ħassret 20% tat-titjiriet f’temp ta’ 48 siegħa.

Lufthansa qalet li l-passiġġieri li qed jivjaġġaw bejn ajruporti Ġermaniżi jistgħu jbiddlu l-biljetti għal dawk tal-ferrovija. Passiġġieri oħra se jingħataw titjiriet alternattivi.