​Strajk fi Franza qed jaffettwa titjiriet minn u lejn Malta

Diversi titjiriet minn u lejn Malta qed jiġu affettwati minħabba azzjoni industrijali mill-Kontrollaturi tal-Ajru Franċiżi.
Kelliem għall-Air Malta kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li t-titjira li dalgħodu ħalliet Malta għal Marseille ttardjat bi ftit iktar minn siegħa, filwaqt li t-titjira lejn Lyon ħalliet Malta wara kważi sagħtejn.
Minbarra t-titjiriet kollha minn u lejn Franza, Newsbook.com.mt jinsab infurmat li kawża ta’ dan l-istrajk ġew affettwati titjiriet oħra fosthom lejn l-ajruporti ta’ Gatwick u Heathrow f’Londra.
L-istrajk mistenni jiġi fi tmiemu fil-5 ta’ għada filgħodu.