Strada Stretta tkompli tissemma barra minn Malta

Il-qawmien mill-ġdid ta’ Strada Stretta qed iġedded l-interess f’din it-triq anki barra minn Malta. Xhieda ta’ dan huma artikli fil-gazzetti Ġermaniżi Augsburger Allgemeine u f’Der Spiegel. L-artikli nkitbu minn Lilo Solcher waħda mill-ġurnalisti ewlenin tal-ivvjaġġar ġol-Ġermanja.
Il-features jorbtu l-magħmudija mill-ġdid ta’ Strada Stretta mar-rinaxximent tal-Belt meta din is-sena, Valletta qed tiċċelebra t-titlu tal-Belt Ewropea tal-Kultura. Solcher semmiet l-artiklu L-isqaq u l-Istorja Speċjali Tiegħu. Solcher tidħol fid-dettal dwar kif din it-triq kellha u għad għandha sehem importanti fil-ħajja tal-Belt.
Il-ġurnalista iltaqgħet ma’ George Cini li kiteb żewġ kotba bil-Malti dwar Strada Stretta u għadu kemm ħareġ verżjoni bl-Ingliż bil-ktieb Strait Street Secrets and Stories from behind Closed Doors. Solcher tgħid li Cini fittex l-ġrajjiet wara l-faċċata tal-bini ta’ din it-triq, iltaqa’ ma’ barmaids li kienu jaħdmu fil-ħwienet tal-baħrin, u ma’ rġiel li kienu jilbsu ta’ nisa u jagħtu x-xows lin-nies tas-servizz. Dan kollu filwaqt li ġabar kollezzjoni ta’ ritratti li jitfgħu dawl dwar x’kien jiġri ġo Strada Stretta.
“Dawn il-kotba huma l-memorja ta’ din it-triq kif kienet darba. Dinja li ntemmet,” tgħid Solcher.
Strada Stretta ipprovdiet xogħol għal barmaids li ħafna minnhom kienu ġejjin minn familja fqar u bil-flus li qalgħu għenu lil ġenituri u lil ħuthom ikampaw. It-triq weldet ukoll nies b’ talent artistiku, fosthom mużiċisti tal-jazz and stil ta’ ħajja kosmopolitana li Malta ma kienetx tesperjenza mingħajr Strada Stretta.
Solcher kellmet ukoll lil Giuseppe Schembri Bonaci, diretttur artistiku ta’ Strada Stretta Concept dwar l-attivitajiet kultural ta’ livel għoli li diġa ħoloq flimkien ma’ oħrajn ippjanati għal dis-sena. Jason Micallef, chairman ta’ Valletta 2018 Foundation huwa kkwotat jgħid: “Aħna nqisu l-kultura bħala investiment għal futur”.