Stqarrijiet ta’ 3 akkużati bit-traffikar tad-droga ma jinqrawx għax ma kienx hemm avukat

L-istqarrijiet li taw lill-pulizija 3 irġiel akkużati bi traffikar ta’ droga ma jistgħux jinqraw lill-ġuri peress li meta ngħataw, ma kienx hemm avukat preżenti. Dan qalitu l-Qorti tal-Appell f’appell li għamel l-Avukat Ġenerali.

Tliet irġiel akkużati bi traffikar tad-droga, wieħed ta’ 19-il sena minn Birkirkara, ieħor ta’ 25 sena min-Naxxar u ieħor ta’ 26 sena mill-Marsa, għadhom qegħdin jistennew li jitressqu l-qorti dwar l-allegat involviment tagħhom fit-traffikar tad-droga fl-2008.

L-Avukat Ġenerali kien talab awtorizzazzjoni biex jaqra l-istqarrijiet tat-tliet akkużati, iżda din it-talba ġiet irrifjutata mill-Qorti Kriminali, u issa ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Appell. Il-qrati qablu li jekk jinqraw l-istqarrijiet tal-akkużati, ikun qed jinkiser id-dritt tagħhom għal smigħ ġust.