Stqarrija ta’ mħabba

Fl-episodju ta’ qabel tal-aħħar mis-sensiela It-Tmein Nota li jixxandar fit-3pm fuq TVM, Marco jiltaqa’ ma’ Leo u jgħidlu li għamel stħarriġ minn fost sħabhom u sar jaf li ħadd qatt ma sema’ li Bella qatt uriet xi interess f’David. Leo jibqa’ jinsisti li anki jekk hu minnu dan, hu jaf x’ra b’għajnejh dakinhar li mar għal għarrieda għand Bella. Anki jekk se jiżżewġu, xorta waħdu għadu jħossu li jista’ jkun tradut minn Bella. Meta Marco jsaqsieh għaliex baqa’ magħha għal tant żmien, u issa lest li jiżżewwiġha, Leo jgħidlu li hu għandu bżonn lil min jimbuttah ’il quddiem fil-karriera u li Bella hija ideali għalhekk.

Nora u David ikunu flimkien u d-diskors jaqa’ fuq it-tieġ li dalwaqt ġej ta’ Bella u Leo. David jgħidilha li Leo ma jixirqilhiex u li ħaqqa xi ħaġa aħjar. Omm Nora ma tiħux pjaċir li jaqbeż għal Bella u tgħidlu li aħjar jara x’inhu l-aħjar ġid għal Nora – li se tkun martu – milli jħabbel rasu dwar Bella. David jintebaħ li dawn iż-żewġ nisa għandhom fid-demm kontra Bella u jistqarr dan mal-familja tiegħu.

Ommu tgħidlu li ma tantx taqbel li jitgħabba b’Nora għax ’il quddiem għad jiddispjaċih. Dik mhux tal-qata’ tagħhom, tgħidlu. David, aktar ma tersaq il-ġurnata tat-tieg ta’ Bella, aktar jibda jħossu jifga b’Nora u jkun irid jinħall minn magħha.

L-insulti ta’ din għal Bella jkunu dejquh għal kollox u dejjem jara kif jagħmel biex isib il-ħin u jgħidilha li ma jridx ikollu x’jaqsam magħha. Ġimgħa qabel iż-żwieġ tagħha jaqbad u jmur biex ikellimha meta jaf li Leo żgur mhux qiegħed hemm. Imma li ma jafx hu li Marco kien għassa u rah dieħel għandha.

Is-sensiela, li oriġinarjament ixxandret fl-2008, għandha kitba ta’ Joseph A Cachia bi produzzjoni ta’ DeeMedia.tv. Jieħdu sehem Ruth Casingena, Analise Psaila, Patrick Vella, Theresa Gauci, Henry Zammit Cordina, Mariella Delmar, Rita Camilleri, Malcolm Galea, Rennie Vella, Renald Formosa, Paul Caruana, Daphne Said, Marco Calleja Vassallo, Katrina Bonnici, Stephan Farrugia, Gabriella Borg u Neville Refalo.