Storjakanta tal-Milied jixxandar illejla

Storjakanta

Illejla fid-9pm fuq TVM se jixxandar Storjakanta tal-Milied li din is-sena twassal b’mod differenti minħabba fis-sitwazzjoni preżenti tal-Covid-19.

Storjakanta fil-Milied jisponta mill-kunċett tas-serata mużiko-letterarja tradizzjonali, iżda jgħawwiġha, jdawwarha u jlewwinha b’tali mod illi kważi kważi lanqas tibqa’ tingħaraf.Dan il-proġett ilu jittella’ għal dawn l-aħħar 3 snin, iżda dan ta’ din is-sena huwa spettaklu b’differenza u b’tema: dik tal-Milied.

Fil-produzzjonijiet li għaddew, Storjakanta żewweġ il-kitba tal-istejjer qosra ta’ Trevor Żahra mal-kanzunetti oriġinali tal-kantawtrici Corazon u l-attur versatili Joseph Galea, bi skript divertenti li jgħaqqad dawn ix-xogħlijiet flimkien.

L-ispettaklu huwa wieħed ħafif li kultant tista’ ssejjaħlu komiku, għalkemm id-drammatiċità ma tonqosx.

Għal din l-edizzjoni speċjali ta’ Storjakanta, il-kunċett twessa’ aktar bis-sehem ta’ kor tat-tfal li interpreta għanjiet tal-Milied maghrufin bil-Malti li jikkumplimentaw l-istejjer qosra irreċtati li Trevor Żahra kiteb apposta b’rabta ma’ din it-tema.

Dan il-kunċert se jkollu repetizzjoni għada l-Ġimgħa 25 ta’ Diċembru fis-1pm fuq TVM2.