Tkompli fil-Qorti storja żvelata fuq Newsbook dwar ġiżirana li sparixxiet mid-Depot

Missier li fl-2012 ibnu kien għeb u wara disa' xhur instab dak li hu maħsub li hu l-għadam tiegħu f’għalqa fil-Qajjenza, xehed fil-Qorti dwar dak li kien diġà żvela ma’ Newsbook.com.mt dwar kambjali li fi kliemu għosfru fil-Qorti, u li jagħtuh id-dritt għal ħlas ta’ €35,000 minn wieħed mill-akkużati.
Dan hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni dwar l-allegat qtil ta’ Matthew Zahra, xufier tat-taksi.
F’intervista li kien ta ma' Newsbook.com.mt, missier il-vittma, Vincent Zahra, kien stqarr li l-kambjali msemmija kienu ġew iddepożitati mill-Ispetturi u mgħoddija lill-Maġistrat quddiem għajnejh stess, imma meta talbu fotokopja tagħhom, mill-Qorti qalulhom li mhux qegħdin hemm.
Ilbieraħ fil-Qorti Zahra tenna dak li kien qal lil dan is-sit, li kien ra d-dokumenti tal-kambjali f’idejn spettur li qed imexxi l-prosekuzzjoni f’waħda mis-seduti preċedenti.
Għal dan wieġeb l-Ispettur Fabian Fleri li saħaq li hu kien għadda l-każ kollu u ma sab ebda traċċa li turi li dawn il-kambjali dehru xi darba fil-Qorti.
Il-Maġistrat Josette Demicoli kompliet li l-kambjali qatt ma dehru l-Qorti għax ma jeżistux.
Imwissi dwar il-konsegwenzi ta’ xhieda falza, kif ukoll emozzjonat mhux ftit, il-missier stqarr li jista’ jkun għandu żball.
Minbarra l-kambjali misterjużi, il-każ ikompli jdur ma’ ġiżirana tad-deheb li kienet m’għonq il-vittma u li allegatament għebet mill-kwartieri tal-Pulizija.
Il-ġiżirana, minbarra l-valur sentimentali li kien tkellem dwaru l-missier ma’ Newsbook.com.mt, tista’ tkun essenzjali sabiex jiġi identifikat li l-għadam huwa proprju ta’ ibnu.
Sadanittant, minkejja li l-missier kien stqarr li l-ġiżirana, tqila 385 gramma, tiswa €25,000, il-Pulizija offriet li tikkumpensa lill-familja b'€10,000, liema kumpens għadu ma ngħatax minħabba li ċ-ċertifikat tal-mewt għadu ma ħariġx.
L-għadam fil-Qajjenza kien instab f’borża qrib il-katavri ta’ żewġ persuni oħra, Mario Camilleri magħruf bħala l-Imnieħru u dak ta’ ibnu, Mario Camilleri Junior.
Fir-ritratt: il-vittma, Matthew Zahra