Storja ta’ suċċess grazzi għall-fondi ta’ koeżjoni – Zammit Lewis

Mas-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea lura fl-2004, Malta kkwalifikat biex tieħu fondi ta’ koeżjoni. Dawn il-fondi jinġabru mill-kontribut finanzjarju li n-Norveġja, l-Iżlanda u Liechtenstein jagħtu biex ikollhom aċċess għas-suq uniku tal-Unjoni Ewropea.

F’għeluq il-25 sena mindu twaqqaf dan il-fond, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej Edward Zammit Lewis qal li kienet storja ta’ suċċess. Hu spjega kif permezz ta’ dawn il-fondi Malta setgħet twettaq diversi proġetti.

Waqt id-diskors li għamel Zammit Lewis qal li fl-ewwel programm ta’ fondi Malta rnexxielha tibbenifika minn €3.5 miljun u fit-tieni programm kisbet €8 miljun. Skont Zammit Lewis dawn il-fondi ssarrfu fi proġetti ta’ żvilupp urban, tnaqqis ta’ faqar u ssaħħet l-ugwaljanza u l-mobiltà soċjali. Għalhekk hu rringrazzja lil dawk kollha involuti b’mod partikolari lill-pajjiżi kontributuri u l-uffiċjali Maltin.

Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni, il-ministru ppreżenta ċertifikati lill-parteċipanti ta’ kompetizzjoni tal-arti li kkommemorat dan l-anniversarju importanti, bit-tema tittratta t-tnaqqis tal-faqar. Lil hinn mill-premjijiet, Edward Zammit Lewis faħħar liż-żgħażagħ li pparteċipaw għall-messaġġi b’saħħithom li għaddew permezz tal-espressjoni artistika tagħhom.