Storja ta’ prostituta tgħallem it-tifsira tal-ħniena lill-Papa Franġisku

“Huwa importanti li nilqgħu n-nies b’delikatezza u mhux inferulhom id-dinjità tagħhom”.
Dan huwa wieħed mill-messaġġi tal-Papa Franġisku fl-ewwel ktieb tiegħu L-Isem ta' Alla Huwa Ħniena.
F’intervista mal-ġurnalista Andrea Tornielli, il-Papa rrakkonta esperjenza li kellu meta kien kappillan fl-Arġentina.
Fr Jorge Bergoglio kien jgħin lil omm bi tfal żgħar li telaqha r-raġel tagħha u li minħabba li ma kellhiex dħul finanzjarju sigur u x-xogħol kien skars, kellha tagħżel il-prostituzzjoni biex titma’ lil uliedha.
Il-Papa Franġisku jgħid li fi żmien il-festi tal-Milied din l-omm marret biex tkellmu. Hu ħaseb li riedet tirringrazzjah għall-ikel li bagħtilha u staqsieha jekk irċivithomx.
Il-mara weġbitu “Iva u grazzi, imma jien ġejt hawn biex nirringrazzjak talli qatt ma waqaft issejjaħli sinjura.”
Il-Papa stqarr li din l-esperjenza għallmitu l-importanza li kull persuna umana għandha tiġi trattata b’dinjità u bi ħniena, irrispettivament mis-sitwazzjonijiet li tkun għaddejja minnhom.