Storja ta’ ħabsi: ‘Tefgħulu l-bleach f’wiċċu; kont naħbi l-mobiles għal sħabi’

Raġel li spiċċa l-ħabs wara li ammetta li ttraffika d-droga spjega x’kien jiġri waqt li kien qed jiskonta s-sentenza tiegħu fl-2016. Fost l-affarijiet li semma’ waqt programm tat-televiżjoni ta’ Channel 5 fir-Renju Unit isemmi li ra ħabsin jitfgħu l-bleach f’wiċċ ħabsi ieħor u li hu kien jaħbi mobiles għal sħabu l-priġunieri fl-għamara tal-ħabs.

Harry Rollinson qal li ntbagħat il-ħabs f’Malta għal 19-il xahar fl-2016. Rollinson żvela l-istorja tiegħu ma’ Channel 5 fir-Renju Unit fil-programm Young, Dumb & Banged Up In The Sun. Wieħed irid ikun qiegħed fir-Renju Unit biex jara l-programm online.

Ġie Malta biex jattendi festival u jbigħ id-droga

Il-gazzetta The Sun ippublikat artiklu dwar l-episodju li fih jidher Rollinson li qal li ġie Malta biex jattendi festival fil-Qawra. Il-pjan tiegħu kien jinvolvi wkoll it-traffikar u l-bejgħ tad-droga MDMA b’valur ta’ aktar minn €10,000.

Meta kien fil-festival ġabar pakkett mill-art li kien fih trab abjad. Uffiċjal tal-Pulizija li kien qiegħed hemm rah u arrestah. Ħaduh lura sal-lukanda u fil-kamra tiegħu sabulu flus u pakketti tal-MDMA.

Huwa ammetta l-akkużi miġjuba kontrih fil-Qorti u ntbagħat 30 xahar ħabs, però ħareġ wara 19-il xahar peress li kellu mġieba tajba.

Bleach, misħun, u zokkor f’wiċċu

Fi kliem Rollinson, l-agħar ħaġa li qatt ra fil-ħabs kienet li ra lil xi ħadd li kien laqqat ħasla ta’ taħlita ta’ bleach, misħun, u zokkor f’wiċċu. Qal li l-ġilda tal-wiċċ tar-raġel bdiet titqaxxar u għama minn għajn waħda.

Rollinson qal li beda jaħdem mad-diviżjoni tal-maintenance u beda jagħmel ħofor f’xi għamara biex sħabu l-priġunieri jkunu jistgħu jaħbu l-mobiles tagħhom.

Wara xahrejn fil-ħabs f’Malta ngħata l-opportunità li jiġi trasferit lejn ħabs fir-Renju Unit. Però ddeċieda li jibqa’ Malta peress li kellu sodda komda, televiżjoni flat screen, u twapet mal-art.

Rollinson qal li ħa tagħlima u li qatt mhu se jerġa’ jittraffika d-droga lejn pajjiż ieħor.

Skont rapport tat-TVM fl-2016, Rollinson kien ammetta li fil-pussess tiegħu kellu l-ketamine u l-mephedrone. Hu ngħata sentenza ta’ 30 xahar ħabs u multa ta’ €3,000. Il-Qorti rrakkomandat li peress li kellu l-vizzju tad-droga kellu jgħaddi minn programm ta’ riabilitazzjoni waqt li jkun qed iservi s-sentenza tiegħu.