Storja qasira: Il-barrani

Maltempata kbira, żewġha u wliedha għadhom ma ġewx lura, żjara mhux tas-soltu ... u sorpriża fl-aħħar!

Rose reġgħet bdiet titlob. F’dawn l-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa kienet ilha tibda u terġa’ taqta’. Għajnejha kienu ħomor bid-dmugħ u n-nuqqas ta’ rqad.

“Mulej, ma nistax nikkonċentra. Il-maltempata ta’ hemm barra qed tbeżżagħni. Żewġi u wliedi ilhom li ħarġu mill-bieraħ, il-Ġimgħa l-Kbira filgħodu. Marru jistadu u kellhom jiġu lura bil-ħut għal nofsinhar. Issa qaleb is-Sibt u bdejt naħseb il-ħażin. Int biss tista’ tgħinni. Allaħares nitlef lil żewġi u ż-żewġ uliedi!”

Barra, ir-riefnu kien għadu qawwi. Rose kienet se tibda rużarju ieħor, meta ħabbat il-bieb u daħal raġel.

“Sliem lil din id-dar,” qal ir-raġel.

“Oqgħod ħdejn in-nar sakemm nagħmillek xi ħaġa sħuna,” qaltlu. “Tidher għajjien u qed tħoss il-bard.”

Ir-raġel qagħad ħdejn in-nar. Rose flietu minn rasu sa saqajh.

“Wiċċek isfar mewt,” qaltlu, “u tidher imweġġa’ wkoll. Ġej minn xi vjaġġ twil? Donnok m’intix minn dawn l-inħawi.”

“Jien ġej mill-bogħod. Ilbieraħ tlift ħafna demm u batejt ħafna. Issa nixtieq nistrieħ ftit sa għada l-Ħadd. Għada se jkun jum kbir għalija.”

“Skużani, imma ma tantx qed nifhem. Barra minn hekk, ninsab inkwetata u ma nista’ naħseb f’xejn ħlief fid-dgħajsa ta’ żewġi u wliedi. Għadhom ma ġewx lura, u lbieraħ kellna tempesta kbira hawn.”

“Dik il-maltempata bdiet ħafna bogħod minn hawn,” weġibha dak ir-raġel. “Laħqet il-qofol tagħha għal xi t-tlieta tal-bieraħ, il-Ġimgħa. Ir-ragħad u l-beraq donnhom riedu jċaqilqu s-sema. Ix-xemx iddallmet ukoll, imma issa għadda kollox. Tinkwetax aktar għal żewġek u wliedek għax jinsabu qawwijin u sħaħ.”

“Int kif tafu dan?”

“Jien vjaġġatur. Tgħallimt is-sigrieti tan-natura. Naċċertak li dar-riħ se jbatti ftit ieħor u jdur Punent, u jwassal id-dgħajsa ta’ żewġek lura d-dar.”

“Qed tagħtini faraġ kbir. Għandek xi ħaġa f’wiċċek li, għalkemm ma nafekx, inħoss li nista’ nafdak. Int minn fejn int?”

“Ġej minn pajjiż sabiħ, kieku, imma qlub in-nies mhumiex kollha sbieħ. Jien ġejt ikkundannat, u niesi stess daru kontrija.”

“Skużani, imma ma nistax nifhmek sew. Moħħi għadu jhewden u mhux se joqgħod kwiet qabel nara l-familja tiegħi qawwija u sħiħa. Ili jumejn sħaħ nitlob.”

“Jien ukoll tlabt ħafna. Għamilt il-lejl kollu bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa nitlob. Kont fi ġnien, taħt dawl ta’ qamar. Ħbiebi kollha ħarbu u telquni. Ħbiebi wkoll kienu sajjieda, bħal żewġek u wliedek, u kont inħobbhom ħafna. Kull wieħed minnhom għandu post speċjali f’qalbi.”

“Se ddum ma terġa’ lura d-dar?”

“Le, għada stess inkun f’dar missieri.”

“Naħseb se jieħu qatgħa jarak daqshekk pallidu u b’dawk il-feriti f’idejk u kullimkien!” qaltlu Rose.

“Dawk il-feriti se nurihomlu, għax kburi bihom. Ma jġibuli l-ebda mistħija.”

Rose ħarset barra mit-tieqa u indunat li, kif qalilha l-barrani, ir-riħ kien tassew dar Punent u l-maltempata kienet waqfet.

Daret fuqu u qaltlu, “Kellek raġun. It-temp inbidel. Veru li tifhem fit-temp u l-baħar. Naħseb li anki bil-baħar int ivvjaġġajt ħafna.”

“Iva, ġieli nzertajt tempesti kbar u maltempati tal-biża’, tant li ħbiebi ħasbu li se negħrqu. Imma dejjem wasalna qawwijin u sħaħ, propju kif se jagħmlu żewġek u wliedek.”

“Alla bagħtek, sieħbi. Farraġtli qalbi. Qabel ġejt int kont imħawda u inkwetata għall-aħħar. Issa nħossni ħafna aħjar.”

“Sar il-ħin, sinjura. Se jkolli nħallik. Wasalt biex intemm vjaġġ twil. Kif nitlaq jien, jaslu żewġek u wliedek. Ħudu ħsieb xulxin.”

Kif qal hekk, qam u telaq. Rose qagħdet tarah sejjer. Indunat li kien ħafi, u f’saqajh kellu feriti bħalma kellu f’idejh. Imbagħad ma deherx aktar fid-dalma tal-lejl.

Hi u tagħlaq il-bieb instemgħu ħsejjes ta’ dgħajsa tittella’ fuq ix-xatt. Ftit minuti wara l-erbgħa li huma kienu miġbura madwar in-nar, kulħadd jirrakkonta l-istorja tiegħu. Żewġha u wliedha rrakkontaw kif b’miraklu salvaw mill-għarqa, imma ma tantx setgħu jifhmu lil Rose meta rrakkuntat tagħha, dwar raġel ferut li kien jaf il-futur u jifhem fit-temp, u li kellu wiċċ ħanin u kliem ta’ faraġ.

“Itfgħu ftit ħatab biex in-nar ma jintefiex,” qaltilhom Rose.

Żewġha qabad ftit zkuk irqaq, maqbudin gozz flimkien. Kif qabadhom, niggeż subgħajh, għalhekk malajr tefagħhom fin-nar.

“Minn fejn ġie dak il-gozz xewk?” staqsa, hekk kif ix-xewk beda jaqbad fin-nar.

“Ħarsu ftit!” qalet Rose. “Dik kuruna tax-xewk!”

L-erbgħa li kienu laħqu rawha. Imbagħad inħarqet għalkollox u saret irmied.

Tista’ tara l-verżjoni sħiħa ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.