Storja li ħallietni mbellah – Callus

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus fl-intervent tiegħu fil-Parlament qal li l-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid irid jieħu l-passi kontra l-persuni li ssemmew fil-Qorti inkella l-bidla tkun serviet għalxejn.

Hu sostna li l-pajjiż tant tilef ir-reputazzjoni, li sema’ storja li ħallietu mbellah.

Callus qal li persuna taħdem ma’ kumpanija internazzjonali li għandha fergħa f’Malta, neħħiet il-kelma Malta minn wara isimha minħabba l-immaġini ħażina tal-pajjiż.

F’Jannar li għadda, Malta ġiet elenkata bħala wieħed mill-pajjiżi li għandha tinżamm l-attenzjoni fuqu fl-aħħar Indiċi tal-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni maħruġ minn Transparency International, peress li hi “mgħerrqa fil-korruzzjoni.” Fir-rapport li jevalwa s-sena 2019, Malta ġiet fil-50 post minn 180 b’54 punt. Tilfet sitt punti mill-2015 ‘l hawn. Iktar kemm pajjiż ikollu punti, iżjed ikunu baxxi l-livelli ta’ korruzzjoni skont kif tkun il-perċezzjoni. Il-medja tal-punti kien ta’ 66, jiġifieri Malta ġabet inqas mill-medja.